Momentum jipproponi triq għaċ-ċittadinanza għal tfal bla stat li trabbew f’Malta

Il-proposta tkun tapplika għal żgħażagħ li jkunu trabbew u temmew l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom f’Malta, u li ma jkollhomx rabta ta’ ċittadinanza ma’ pajjiż ieħor

Momentum qed jipproponi li tfal apolidi li jkunu trabbew u ġew edukati f’Malta jingħataw triq ċara biex ikunu jistgħu jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija meta jagħlqu 18-il sena.

Is-Segretarju Ġenerali tal-partit Mark Camilleri Gambin qal li l-proposta tikkonċerna numru żgħir ta’ żgħażagħ li għal snin sħaħ għexu Malta u li, fil-prattika, ma jafux pajjiż ieħor bħala darhom.

Huwa spjega li persuna apolida mhijiex rikonoxxuta bħala ċittadin minn ebda stat, u dan jista’ jwassal għal diffikultajiet fl-aċċess għal drittijiet u servizzi bażiċi, kif ukoll għal inċertezza dwar l-istatus legali tagħha.

Skont iċ-Ċensiment tal-2021, f’Malta kien hemm 171 persuna apolida, bi kważi nofshom tfal.

Momentum qal li fost dawn hemm tfal li trabbew u marru l-iskola f’Malta iżda li ma jistgħux jiksbu n-nazzjonalità tal-ġenituri tagħhom jew ta’ pajjiż ieħor.

Il-proposta tkun tapplika għal tfal li huma apolidi jew li jinsabu f’riskju li jsiru apolidi, u li jkollhom rabta fit-tul ma’ Malta.

Biex ikunu eliġibbli, ikollhom jew ikunu twieldu Malta jew ikunu waslu fil-pajjiż ta’ età żgħira ħafna, u jkunu temmew b’suċċess iċ-ċiklu kollu tal-edukazzjoni primarja u sekondarja obbligatorja f’Malta.

Momentum qed jipproponi wkoll li wieħed mill-kriterji jkun li ż-żagħżugħ ma jkollux kundanni serji jew passat kriminali gravi.

Camilleri Gambin saħaq li l-proposta mhijiex ibbażata sempliċement fuq il-fatt li persuna twieldet Malta, iżda fuq rabta mibnija tul is-snin permezz tat-tfulija, l-edukazzjoni u l-integrazzjoni fil-pajjiż.

Huwa qal ukoll li l-kwistjoni għandha tinżamm distinta mid-dibattitu usa’ dwar il-migrazzjoni.

“Għandna nkunu kapaċi nindirizzaw din il-kwistjoni umana u legali mingħajr ma nħalltuha mad-dibattitu ħafna usa’ dwar il-politika tal-migrazzjoni, għax dawn huma żewġ kwistjonijiet kompletament differenti,” qal.

Momentum sostna li regoli ċari u oġġettivi jagħtu aktar ċertezza lil dawn iż-żgħażagħ dwar il-futur tagħhom, filwaqt li jħeġġuhom ikomplu jistudjaw u jsaħħu l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Il-proposta tasal wara li Moviment Graffitti kien ukoll talab li tintemm l-apolidija fost it-tfal f’Malta permezz ta’ policy paper dwar il-kwistjoni.

 

More in Kronaka