Il-Parlament nieda paġna uffiċjali fuq Facebook bil-għan li jżomm kuntatt aktar mill-qrib maċ-ċittadini u jkompli jikkomunika dwar il-ħidma li ssir fi ħdanu.
F’filmat ippubblikat it-Tlieta filgħodu, l-Ispeaker Carmelo Abela qal li l-paġna se tintuża biex tingħata informazzjoni dwar il-proċeduri parlamentari, is-seduti u l-attivitajiet tal-Parlament.
“Hawnhekk se naqsmu informazzjoni dwar il-proċeduri parlamentari, is-seduti u l-attivitajiet, kemm tiegħi bħala Speaker kif ukoll tal-Parlament b’mod ġenerali,” qal Abela.
Huwa qal ukoll li jixtieq li l-paġna sservi bħala spazju fejn il-Membri Parlamentari jkunu jistgħu juru l-ħidma tagħhom.
Il-Parlament reġa’ fetaħ it-Tnejn wara l-waqfa tas-sajf.
Abela qal li l-għan hu li l-paġna tkun ukoll spazju ta’ informazzjoni, parteċipazzjoni u djalogu ċiviku, u ħeġġeġ lil min jixtieq jieħu sehem biex jagħmel dan b’mod responsabbli.
Fl-istess waqt, wissa li kummenti offensivi jew mhux xierqa se jitneħħew.
“Nixtieq nistedinkom issegwu din il-paġna biex tkunu infurmati dwar il-ħidma tal-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna,” temm jgħid.