Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li falla lill-ħaddiema wara li l-Qorti tal-Appell sabet li Air Malta keċċiet b’mod inġust grupp ta’ ħaddiema part-time billi waqfet tagħtihom sigħat ta’ xogħol mingħajr ma infurmathom formalment li l-impjieg tagħhom kien intemm.
Fi stqarrija, il-PN qal li t-trattament tal-ħaddiema “jwaqqa’ għaċ-ċajt dak kollu li l-Partit Laburista jipprietka dwar ir-rispett lejn il-ħaddiema”, u fakkar li dak iż-żmien Air Malta kienet kumpanija tal-Istat.
Il-partit talab lill-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà politika, jispjega pubblikament min ħa u approva d-deċiżjoni dwar il-mod kif ġew trattati dawn il-ħaddiema, u jiżgura li jingħataw dak kollu dovut lilhom.
Il-PN talab ukoll miżuri konkreti biex jiġi żgurat li ħaddiema f’entitajiet oħra tal-Istat ma jgħaddux mill-istess trattament.
Il-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li Air Malta ma setgħetx sempliċement tieqaf talloka shifts lil ħaddiema part-time u tħallihom f’limbu, filwaqt li tibqa’ ssostni li ma kinux tkeċċew.
Il-PN irrefera wkoll għal stqarrija tal-Gvern f’April li fiha kien ħabbar it-tneħħija ta’ zero-hour contracts u qal li “d-dinjità fuq il-post tax-xogħol mhijiex negozjabbli”.
“Din hija l-ipokrezija politika li dwarha l-Gvern għandu jagħti rendikont,” qal il-partit.
Il-PN sostna li kumpanija tal-Istat kienet ippruvat tiġġustifika t-trattament tal-ħaddiema proprju billi tibbaża ruħha fuq it-tip ta’ kuntratti li l-Gvern aktar tard qal li abolixxa.
Il-każ imur lura għall-2022, meta numru ta’ ħaddiema part-time ta’ Air Malta, li kienu ilhom jingħataw sigħat ta’ xogħol b’mod regolari, spiċċaw b’żero sigħat.
Skont il-PN, fl-istess żmien tneħħielhom ukoll l-aċċess għas-sistemi tal-kumpanija u ntalbu jirritornaw il-passes tal-ajruport.
Air Malta kienet sostniet li l-ħaddiema ma kinux tkeċċew, għax il-kuntratti tagħhom kienu jippermettu li jingħataw żero sigħat. Dan l-argument, madankollu, ġie miċħud mill-Qorti tal-Appell.
Il-PN temm jgħid li l-ħaddiema “jixirqilhom ġustizzja, rispett u Gvern li jżomm kelmtu magħhom”.