L-ogħla rappreżentanti tad-delegazzjoni Maltija ma kinux preżenti fl-awla tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda meta għexieren ta’ delegazzjonijiet telqu waqt id-diskors tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu.
Sorsi fid-delegazzjoni Maltija qalu li l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Chris Fearne, ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għan-NU Natasha Meli u s-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar ma kinux fl-awla fil-ħin tal-walkout.
Dan ifisser li n-nuqqas tagħhom mill-awla ma għandux jiġi interpretat bħala parteċipazzjoni fil-protesta kontra Netanyahu, iżda lanqas bħala appoġġ għall-azzjonijiet ta’ Iżrael, skont is-sorsi Maltin.
Il-walkout seħħ hekk kif Netanyahu tela’ fuq il-podju biex jindirizza l-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali, b’għadd ta’ delegazzjonijiet jitilqu mill-awla qabel jew malli beda jitkellem.
Il-Ministru Chris Fearne, dak il-ħin, kien qed jattendi laqgħa ministerjali separata dwar l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, skont id-delegazzjoni Maltija.
Malta ilha tappoġġja pubblikament soluzzjoni ta’ żewġ stati u, f’pożizzjonijiet uffiċjali preċedenti fin-NU, sostniet ukoll l-appoġġ tagħha għal sħubija sħiħa tal-Palestina fin-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Gvern Malti reġa’ tenna din il-ġimgħa li jqis is-soluzzjoni ta’ żewġ stati bħala t-triq lejn paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani.
Il-walkout waqt id-diskors ta’ Netanyahu ġie rrappurtat bħala forma ta’ protesta minn diversi delegazzjonijiet. Netanyahu aktar tard ikkritika lil dawk li telqu mill-awla.
Id-delegazzjoni Maltija kellha programm estensiv matul il-ġimgħa tal-Assemblea Ġenerali, b’Fearne imexxi wkoll laqgħa tal-Commonwealth Ministerial Action Group u jiltaqa’ ma’ diversi sħab internazzjonali.