L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) iddefendiet lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, hekk kif qed jiżdiedu s-sejħiet biex jitneħħa mill-kariga.
Fi stqarrija l-Ġimgħa, l-MDA wissiet lill-Partit Nazzjonalista biex ma “jippolitiċizzax sitwazzjonijiet delikati”, wara li l-partit insista li r-responsabbiltà għat-tneħħija ta’ Buttigieg taqa’ fuq il-Prim Ministru Robert Abela.
L-Assoċjazzjoni qalet li Buttigieg “irnexxielu jagħmel differenza profonda fit-tmexxija ta’ waħda mill-aktar awtoritajiet diffiċli”.
Hija appellat lill-PN biex, minflok, jadotta approċċ proattiv u jipproponi r-riformi li jemmen li Malta għandha bżonn, u jispjega kif dawn għandhom jiġu implimentati, aktar milli, fi kliemha, “jaqa’ għat-tentazzjoni li jitla’ fuq il-karru tal-populiżmu”.
L-MDA qalet li fil-passat ma qagħditx lura milli titkellem fejn rat kwistjonijiet ta’ governanza, iżda sostniet li l-partiti kollha għandhom jaġixxu b’responsabbiltà u jevitaw li jaslu għal konklużjonijiet fuq “suspetti u allegazzjonijiet mhux ippruvati”.
Buttigieg jinsab taħt pressjoni dejjem akbar wara l-pubblikazzjoni ta’ chats bejnu u n-negozjant Yorgen Fenech.
Il-konversazzjonijiet urew lil Buttigieg jitkellem ma’ Fenech dwar opportunitajiet ta’ negozju waqt li kien fil-kariga, fosthom messaġġ li fih qallu li setgħu “jagħmlu negozju” flimkien.
Dawn il-konversazzjonijiet wasslu għal sejħiet minn għaqdiet ambjentali u oħrajn biex Buttigieg jitneħħa mill-PA.
Il-Ħamis, attivisti interrompew konferenza li fiha Buttigieg kien wieħed mill-kelliema. Meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-pożizzjoni tiegħu, huwa qal li min għandu problema bit-tmexxija tiegħu għandu jqajjem il-kwistjoni mal-Gvern li ħatru.
Buttigieg kien reġa’ nħatar Kap Eżekuttiv tal-PA fl-2025 biex, fost affarijiet oħra, jindirizza backlog sinifikanti ta’ applikazzjonijiet tal-ippjanar.
Fl-2019, huwa kien telaq mill-kariga wara kritika mill-Ombudsman tal-Ippjanar dwar id-deċiżjoni li Jacqueline Gili, membru tal-bord, tinġieb lura minn Sqallija b’private jet biex tieħu sehem f’votazzjoni fuq il-proġett għoli tad-db Group.
Wara li telaq mill-PA, Buttigieg ħadem bħala konsulent għal numru ta’ żviluppaturi, fosthom Michael Stivala, li huwa wkoll il-President tal-MDA.
S’issa, mill-inqas 34 entità sejħu għat-tneħħija ta’ Buttigieg mill-kariga.