Il-PN irid aktar kontroll fuq avvenimenti u strateġija turistika ġdida

L-Oppożizzjoni tgħid li l-kaos waqt festival mifrux fuq tlett ijiem għandu jwassal għal aktar infurzar, skrutinju fuq fondi pubbliċi u pjan nazzjonali dwar kemm jiflaħ il-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-inċidenti li seħħew fi tmiem il-ġimgħa waqt festival mifrux fuq tlett ijiem jikkonfermaw il-ħtieġa għal strateġija turistika nazzjonali li tiffoka fuq il-kwalità aktar milli fuq il-kwantità.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Alex Perici Calascione qal li l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi l-importanza ta’ avvenimenti bħal dawn għall-industrija turistika, iżda sostna li dak li seħħ ma jistax jiġi injorat.

Il-PN ikkundanna l-aġir ta’ għadd ta’ persuni li, skont il-partit, wassal għal ksur tal-ordni pubbliku u inkonvenjent għal terzi.

Il-partit irrefera wkoll għal filmati minn stabbiliment tal-ikel f’Paceville, u qal li x-xeni li dehru fihom jistgħu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika u joħolqu riskju għall-impjegati u persuni oħra li ma kellhomx x’jaqsmu mal-inċidenti.

Il-PN laqa’ d-deċiżjoni tal-organizzaturi li jikkanċellaw il-parties li kien għad fadal.

Fl-istess waqt, sejjaħ lill-Gvern u lill-awtoritajiet biex jiżguraw li episodji simili ma jerġgħux iseħħu u biex jivverifikaw li l-organizzaturi ta’ avvenimenti jkunu qed josservaw il-kundizzjonijiet tal-permessi tagħhom.

Il-partit talab ukoll evalwazzjoni tal-mod kif jingħata finanzjament pubbliku għal attivitajiet ta’ dan it-tip, kif ukoll infurzar kontra min jikser il-liġi.

Skont il-PN, il-Gvern għandu jagħti prijorità lil mudell turistiku li jattira viżitaturi b’interess f’niċeċ speċifiċi, fosthom il-kultura, il-gastronomija, il-wirt reliġjuż, it-turiżmu mediku u n-natura.

Il-partit qal li dan għandu jwassal għal aktar valur għal kull viżitatur, aktar sostenibbiltà u inqas pressjoni fuq l-infrastruttura u r-residenti.

Il-PN għamel referenza wkoll għall-pożizzjoni tal-MHRA, u qal li episodji bħal dawk tal-aħħar jiem jistgħu jimminaw l-isforzi biex Malta tattira turiżmu ta’ kwalità u b’valur miżjud.

Il-partit qed jitlob ukoll li jitfassal Carrying Capacity Plan nazzjonali biex jiġi stabbilit kemm il-pajjiż jiflaħ illum u fis-snin li ġejjin, inkluż fil-qasam tat-turiżmu.

Skont il-PN, l-għan m’għandux jibqa’ li jiżdied in-numru ta’ turisti akkost ta’ kollox, iżda li jiġi żviluppat mudell li jħalli aktar valur ekonomiku filwaqt li jirrispetta l-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’Malta u Għawdex.

More in Kronaka