Residenti milquta minn ħsarat ta’ kostruzzjoni se jingħataw sa €15,000 mill-BCA

Il-Gvern ħabbar fond ġdid biex kumpens jingħata direttament lill-vittmi ta’ ħsarat minn siti ta’ kostruzzjoni, bil-BCA mbagħad tfittex li tirkupra l-flus mingħand l-iżviluppaturi responsabbli

Residenti li jsofru ħsarat minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-qrib se jkunu jistgħu jingħataw kumpens sa massimu ta’ €15,000 permezz ta’ fond amministrat mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-miżura waqt laqgħa miftuħa tal-Kabinett it-Tlieta filgħodu.

Skont Abela, il-BCA se tkun tista’ tħallas il-kumpens lill-persuni milquta u mbagħad tirrikorri l-Qorti biex tirkupra l-ammont mingħand l-iżviluppaturi responsabbli.

Il-Prim Ministru qal li din is-sistema għandha tevita li terzi persuni li jsofru ħsarat ikollhom jidħlu huma stess f’proċeduri legali biex jingħataw kumpens.

Matul l-istess laqgħa, Abela ħabbar ukoll titjib fil-pensjonijiet għal membri tal-forzi dixxiplinati li jirtiraw wara 25 sena servizz.

Iż-żieda se titla’ għal 29%, minn 23% kif kienet qabel.

Il-laqgħa tal-Kabinett semgħet ukoll diversi interventi dwar l-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura.

Ix-xjenzata u ambjentalista Rachel Decelis tkellmet dwar is-sjuf dejjem aktar ħorox f’Malta u l-pressjoni li dawn qed jagħmlu fuq l-infrastruttura tal-enerġija.

Hija qalet li l-preparamenti għas-sajf li ġej iridu jibdew minn issa.

Decelis sostniet ukoll li s-sussidji uniformi fuq l-enerġija qed iwasslu għal ħela, filwaqt li ż-żieda fil-popolazzjoni residenti u fit-turiżmu qed tkompli żżid il-pressjoni fuq l-infrastruttura.

Il-Kabinett sema’ wkoll lill-inġinier Christopher Micallef, li tkellem dwar trasport sostenibbli u faħħar il-progress li sar fl-użu tal-baħar bħala mezz ta’ trasport.

Dwar il-proposta għal metro f’Malta, Micallef qal li proġett bħal dan waħdu ma jistax isolvi l-problema tat-traffiku jekk ma jitnaqqasx l-użu tal-karozzi u ma tinbidilx infrastruttura li bħalissa tibqa’ ċċentrata fuq il-karozza.

 

More in Kronaka