Din l-Art Ħelwa ressqet appell kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova estensjoni kbira tal-Grand Hotel Excelsior fil-Furjana.
L-estensjoni approvata tinkludi blokka ġdida ta’ sitt sulari b’77 kamra addizzjonali u, skont l-għaqda, se twassal għat-telf ta’ aktar minn 1,200 metru kwadru ta’ spazju miftuħ taħt u viċin uħud mill-aktar fortifikazzjonijiet storiċi importanti tal-pajjiż.
“Hemm ironija storika profonda f’dan kollu,” qal il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa, Patrick Calleja.
Huwa fakkar li l-għaqda twaqqfet aktar minn 60 sena ilu wara rabja pubblika dwar l-impatt tal-iżvilupp oriġinali tal-Excelsior fuq dawn l-istess swar.
“Aktar minn 60 sena wara, qed insibu ruħna għal darb’oħra niddefenduhom, din id-darba kontra estensjoni oħra tal-istess lukanda. Sfortunatament, dan jurina kemm ftit inbidel u kemm ftit tgħallimna,” qal Calleja.
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat estensjoni laterali tal-lukanda li se żżid 77 kamra.
Din l-Art Ħelwa sostniet li l-lukanda oriġinali diġà ħalliet dak li ddeskriviet bħala marka viżibbli fuq is-swar, u li l-aħħar approvazzjoni se tkompli żżid il-volum tal-iżvilupp f’wieħed mill-aktar pajsaġġi storiċi sensittivi ta’ Malta.
Il-fortifikazzjonijiet inkwistjoni jagħmlu wkoll parti mill-applikazzjoni riċenti ta’ Malta biex jingħataw status ta’ Wirt Dinji mill-UNESCO.
L-għaqda qalet li dan l-għarfien iġib miegħu obbligu li dawn l-istrutturi jiġu protetti u mhux li jitnaqqas il-valur storiku u viżiv tagħhom.
Din l-Art Ħelwa kkritikat ukoll dak li sejħet idea antikwata li s-suċċess turistiku jitkejjel biss miż-żieda fin-numru ta’ sodod.
“Malta ma tistax b’mod kredibbli tgħid li qed tfittex mudell ta’ turiżmu ta’ kwalità filwaqt li fl-istess ħin tippermetti żviluppi li jnaqqsu l-istess assi storiċi u viżivi li fuqhom jiddependi dak it-turiżmu,” qalet l-għaqda.
“Is-swar tagħna mhumiex sfond għall-iżvilupp. Huma wirt li l-iżvilupp irid jirrispetta.”
Calleja qal li flimkien ma’ NGOs oħra, attivisti u ċittadini, Din l-Art Ħelwa se tkompli tiddefendi l-wirt storiku tal-gżejjer u l-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri.