Abela nkwetat wara l-verdett fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Il-kritika interna fil-Gvern hija waħda qawwija: il-prosekuzzjoni fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech kienet dgħajfa, mifruxa u nieqsa minn direzzjoni ċara. 

Ministri li tkellmu mal-gazzetta ILLUM bil-kundizzjoni tal-anonimità qalu li l-problema ma kinitx biss ir-riżultat — li rat lil Fenech jinħeles minn kull akkuża ta’ involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ kompliċità kriminali — iżda l-mod kif il-każ ġie ppreżentat lill-ġurija. L-evidenza kienet ħafna, iżda dehret ippreżentata f’biċċiet, mingħajr narrattiva waħda ċara li tgħaqqad kollox u tispjega b’mod konvinċenti kif l-evidenza kienet twassal għall-ħtija ta’ Fenech. 

Minflok każ wieħed b’linja ċara, il-ġurija ġiet esposta għal bosta biċċiet ta’ evidenza u xhieda, iżda mhux dejjem kien ċar kif dawn kienu jorbtu flimkien. 

Il-kuntrast mad-difiża kien evidenti. Iż-żewġ prosekuturi dehru inqas kariżmatiċi u inqas kapaċi jikkontrollaw in-narrattiva quddiem il-ġurija meta mqabbla mal-avukati tad-difiża. Għal 55 jum, id-difiża qajmet dubji dwar il-każ tal-prosekuzzjoni, b’mod partikolari dwar ir-rwol ta’ Keith Schembri u l-konnessjonijiet tiegħu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

“Il-prosekuzzjoni kollha ma kinitx f’idejna; ma kellna l-ebda vuċi fiha,” qal wieħed mill-ministri. “Għall-kuntrarju, il-prosekuzzjoni u l-pulizija kienu ferm allinjati mal-familja Caruana Galizia u l-avukati tagħha. Iżda d-difiża rnexxielha tiżra’ d-dubju.” 

U kien proprju d-dubju li ddeċieda l-każ. 

Fenech, li fl-2014 sar il-werriet tal-imperu kummerċjali ta’ Tumas Group, kien ilu snin fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni tal-Pulizija, rapporti fil-midja u proċeduri ġudizzjarji. Kien hemm ukoll l-evidenza ta’ Melvin Theuma, star witness tal-prosekuzzjoni li anke ngħata maħfra presidenzjali, inklużi recordings magħmula bil-moħbi li fihom instema’ Fenech. 

Minkejja dan kollu, il-ġurija vvutat tmienja għal wieħed biex issibu mhux ħati, mhux biss li kien involut fil-qtil, iżda lanqas tal-kompliċità f’atti kriminali. 

U l-ħelsien ta’ Fenech ikkawża problema politika enormi għall-Prim Ministru Robert Abela. 

Il-konsulenti tiegħu kienu jafu li kundanna għal Fenech kienet tkun l-aħjar riżultat, iżda kienu jafu li anke f’dak il-każ il-Gvern kien se jaffaċċja pressjoni kontinwa fuq il-korruzzjoni, l-istat tad-dritt u l-fallimenti istituzzjonali marbuta mal-qtil. 

Il-ħelsien ta’ Fenech, madankollu, biddel kollox. 

“Għandna problema u dik hija kif se niddistakkaw ruħna kompletament minn Keith Schembri,” qal ministru lil dil-gazzetta. “Dan mhux se jkun faċli. Huwa kien effettivament il-Gvern Laburista mill-2013 sal-2019.” 

Ir-rwol ta’ Schembri kien wieħed mill-punti ewlenin li d-difiża saħqet fuqhom. U għal Abela, il-problema hija partikolarment sensittiva: huwa kien membru tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat fl-2017 u konsulent legali tiegħu. 

Sadanittant, qed jitqajmu mistoqsijiet dwar l-investigazzjoni mmexxija mill-Assistent Kummissarju Arnaud, dwar il-mod kif l-evidenza ġiet ippreżentata, dwar il-proklama li ngħatat lil Melvin Theuma u dwar id-“dinamika” fi ħdan il-ġurija li wasslet għal dan ir-riżultat sorprendenti. 

Fil-gvern hemm ukoll tħassib li l-ħelsien ta’ Fenech se jkompli jgħatti l-kwistjonijiet l-oħra li diġà kienu qed jolqtu l-immaġni tiegħu. 

“Diġà konna qed naffaċċjaw akkużi li mixjin bil-mod, li għajjenin u indifferenti,” qal ministru anzjan. “Dan se jpoġġi aktar pressjoni fuqna.” 

Ministru ieħor qal li l-gvern ftit għandu spazju biex jimmanuvra. “Għandna sena fiskali diffiċli quddiemna bi prezzijiet tal-fuel li qed jogħlew u kriżi internazzjonali serja ħafna. Ir-riżultat ta’ dal-ġuri se jieħu ħafna mill-ħin tagħna u mhux se nkunu nistgħu nitkellmu dwar affarijiet oħra.” 

Għall-PN, dan jista’ jkun mument kruċjali. Alex Borg kien evita deliberatament li jagħmel il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-korruzzjoni ċ-ċentru tal-kampanja elettorali tiegħu, u b’hekk irnexxielu jiġbed votanti li kienu dejquhom il-kampanji negattivi tal-passat. 

Iżda issa l-ħelsien ta’ Fenech sar opportunità biex il-PN jattakka lil Abela dwar l-istat tad-dritt u jpoġġi l-fallimenti istituzzjonali fiċ-ċentru tal-aġenda politika. 

F’Kastilja, il-konsulenti ta’ Abela kienu qed jikkunsidraw li jużaw ir-riżultat tal-ġuri biex jiftħu diskussjoni dwar aktar riformi istituzzjonali. Iżda l-parir li taw kien li wieħed għandu joqgħod attent. 

“Kien hemm u għad hemm wisq storbju, u kwalunkwe messaġġ kien jintilef fil-konfużjoni,” qal sors qrib il-Prim Ministru. 

Meta tħabbar il-verdett tal-ġurati, Abela kien qed jipprepara ruħu għal serata li kellha tkun waħda kompletament differenti. 

Kien qed iħejji ruħu biex jitlaq lejn l-ewwel festa kbira fil-Hard Rock Hotel fil-kumpless enormi tad-DB f’San Ġiljan meta ġie infurmat li l-ġurija kienet illiberat lill-werriet ta’ Tumas Group. 

Sorsi qalulna li Abela kien ixxukkjat, u minnufih ikkanċella ż-żjara tiegħu. 

Immedjatament sejjaħ madwaru l-grupp żgħir u magħqud ta’ konsulenti tiegħu, immexxi minn Mark Mallia, iċ-Chief of Staff tiegħu. 

Kienu ppreparaw ruħhom għall-kundanna. U qatt ma immaġinaw li l-ġurija kienet se tivvota tmienja għal wieħed favur Yorgen Fenech. 

Issa Abela jrid jara jistax jikseb kontroll tas-sitwazzjoni jew jekk jibqax jipponta subgħajh lejn ta’ qablu u jindirizza l-vera ‘iljunfant fil-kamra’ – Joseph Muscat u Keith Schembri. 

Falliment min-naħa tal-Gvern li jaġixxi malajr jista’ jservi biex Borg jingħata platt tal-fidda u ċans ikisser dak kollu li akkwista Abela fl-aħħar snin. 

More in Kronaka