Il-Parlament se jiltaqa’ nhar il-Ġimgħa biex jiddiskuti l-eżitu tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-akkużi li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma dan il-Ħamis, filwaqt li appella għall-kawtela sabiex dak li jingħad ma jippreġudikax investigazzjonijiet oħra marbuta mal-każ li għadhom għaddejjin.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg talab li l-Parlament jerġa’ jiltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-każ.
Abela qal li r-responsabbiltà għandha tirrenja fid-dibattitu, filwaqt li kkritika lil Borg talli, skontu, għażel triq “partiġġjana” fir-reazzjoni tiegħu għall-verdett tal-Erbgħa.
Aktar kmieni l-Ħamis, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra Carmelo Abela biex jippreżenta ittra uffiċjali li titlob li jsir id-dibattitu.
Yorgen Fenech instab mhux ħati l-Erbgħa tal-akkużi li kien kompliċi fil-qtil ta’ Caruana Galizia u li assoċja ruħu ma’ persuna jew persuni bil-għan li jitwettaq reat f’Malta.
Il-verdett ingħata wara madwar tmien sigħat ta’ deliberazzjoni, fi tmiem ġuri li dam madwar xahrejn u li matulu l-ġurati semgħu għadd estensiv ta’ xhieda, provi u sottomissjonijiet mill-prosekuzzjoni u d-difiża.
Fuq l-ewwel kap tal-att tal-akkuża, dak ta’ kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia, Fenech instab mhux ħati bi tmien voti kontra wieħed.
L-istess verdett ta’ tmien voti kontra wieħed ingħata fuq it-tieni u l-aħħar kap, dak ta’ assoċjazzjoni ma’ persuna jew persuni bil-għan li jitwettaq reat f’Malta.
Il-verdett tħabbar ftit wara s-7pm f’Awla 22, fejn kienu preżenti qraba ta’ Fenech u tal-familja Caruana Galizia, kif ukoll għadd ta’ ġurnalisti.