MTCA twissi dwar siti foloz li jwiegħdu rifużjonijiet tat-taxxa

L-amministrazzjoni tat-taxxa qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex ma jipprovdix informazzjoni personali jew dettalji tal-ħlas fuq siti mhux uffiċjali.

L-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta (MTCA) wissiet lill-pubbliku dwar siti qarrieqa li qed jimitaw is-sit uffiċjali tagħha u jibagħtu notifiki relatati ma’ allegati rifużjonijiet tat-taxxa.

L-MTCA qalet li rċeviet rapporti ta’ persuni li ntbagħtulhom notifiki dwar “Tax Refund” minn siti li jippreżentaw ruħhom bħala dawk tal-amministrazzjoni.

L-awtorità ċċarat li s-sit uffiċjali tal-MTCA huwa l-uniku sit li l-pubbliku għandu juża biex jaċċessa s-servizzi tagħha online.

Il-pubbliku ġie mħeġġeġ biex ma jipprovdi l-ebda informazzjoni personali, dettalji tal-ħlas jew data sensittiva oħra fuq siti mhux uffiċjali.

L-MTCA appellat ukoll biex, qabel ma wieħed jipproċedi bi kwalunkwe komunikazzjoni jew servizz online, jiżgura li jkun qed juża s-sit uffiċjali tal-amministrazzjoni.

It-twissija hija l-aħħar waħda minn sensiela ta’ allerti dwar siti foloz u messaġġi qarrieqa li qed jiċċirkolaw, wara twissijiet simili mill-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA) u mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA).

More in Kronaka