L-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA) wissiet lill-pubbliku dwar messaġġi qarrieqa li reġgħu qed jiċċirkolaw u li jirreferu għal kontravenzjonijiet tat-traffiku, multi u kwistjonijiet oħra.
Wieħed mill-messaġġi li qed jiċċirkola bħalissa jallega li hemm kontravenzjoni tat-traffiku pendenti marbuta mal-vettura tar-riċevitur u jħeġġu jiċċekkja d-dettalji tar-reat u tal-ħlas permezz ta’ link.
“An outstanding traffic contravention has been recorded for your vehicle. Please review the offence and payment details,” jgħid il-messaġġ, segwit minn link imqassar.
Qarrejja li rċevew il-messaġġ u għafsu fuq il-link qalu lil gazzetta oħt, MaltaToday li dan wassalhom għal sit falz li jixbah il-portal uffiċjali tal-LESA, u b’hekk jista’ jagħti l-impressjoni li l-persuna qed tħallas ċitazzjoni leġittima.
LESA kkonfermat li l-messaġġ ma ntbagħatx mill-aġenzija u appellat lill-pubbliku biex ma jagħfasx fuq il-link u ma jipprovdi l-ebda informazzjoni personali jew dettalji tal-ħlas.
L-aġenzija fakkret li s-sit uffiċjali tagħha huwa l-uniku portal li għandu jintuża għas-servizzi tagħha.
Kull min jirċievi dan il-messaġġ jew wieħed simili huwa mħeġġeġ iħassru immedjatament u ma jinteraġixxix mal-link.
LESA appellat ukoll lill-pubbliku biex iwassal din it-twissija lill-familjari u l-ħbieb sabiex jitnaqqas ir-riskju li aktar persuni jisfaw vittmi ta’ din l-iskema qarrieqa.