“€50 se jwaqqfuhom?” – Fis-Swieqi, ir-residenti jridu infurzar li verament jinħass
Aktar Pulizija billejl u multi fuq il-post qed jagħtu sinjali ta’ bidla, iżda residenti jgħidu li vandaliżmu, skart u nuqqas ta’ sorveljanza għadhom jagħmlu parti mill-ħajja ta’ kuljum. Il-mistoqsija tagħhom issa hija waħda: il-pieni huma deterrent biżżejjed?
minn Jaelle Borg
Filmat ippubblikat fuq Facebook reġa’ qanqal rabja fost ir-residenti tas-Swieqi. Fih jidher raġel jersaq lejn karozza pparkjata u jagħmel ħsara fil-mera tal-ġenb tagħha – azzjoni li, għal min jgħix fil-lokalità, ma tidhirx aktar bħala xi ħaġa li tista’ sempliċement titwarrab bħala episodju iżolat.
Sors residenti li tkellem magħna qal li l-persuna fil-filmat kienet turist, u sostna li episodji ta’ vandaliżmu baqgħu jseħħu minkejja ż-żieda fil-preżenza tal-Pulizija billejl u l-introduzzjoni ta’ multi fuq il-post.
Il-każ jitfa’ mill-ġdid l-attenzjoni fuq mistoqsija li ilha tberren fost dawk li jgħixu f’din il-lokalità: x’hemm bżonn biex il-konsegwenzi jsiru deterrent reali?
“Il-mistoqsija li qed nagħmlu lkoll hija jekk din hix deterrent, jew sempliċement sors ieħor ta’ dħul għall-Gvern,” qal resident b’referenza għaż-żieda fil-penali amministrattivi għal ċerti reati minuri minn €25 għal €50.
Fil-fehma tiegħu, €50 mhix biżżejjed.
Skontu, jekk l-għan hu li min ikun se jwettaq att ta’ vandaliżmu jew imġiba antisoċjali jaħsibha darbtejn, il-penali trid tkun ferm aktar qawwija – hu jsemmi multa ta’ madwar €200 bħala livell li jista’ jkollu impatt aktar serju.
Il-Gvern kien ħabbar li persuni barranin li mhumiex residenti f’Malta jistgħu jingħataw multi fuq il-post, b’pagament elettroniku immedjat. Il-miżura kienet tħabbret proprju bħala mezz biex jissaħħu d-deterrent u l-infurzar, fosthom f’każijiet ta’ storbju eċċessiv u rimi ta’ skart.
U kien hemm każijiet fejn dawn il-poteri ntużaw.
F’Lulju, il-Pulizija qalet li 12-il żagħżugħ fis-Swieqi ngħataw madwar €2,000 f’multi bejniethom, imħallsa fuq il-post, wara rapporti ta’ storbju u ksur tal-ordni u l-paċi pubblika, kif ukoll rimi illegali ta’ skart. Fl-istess każ, spezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wasslu biex blokka ta’ appartamenti tieqaf topera sakemm jiġu indirizzati nuqqasijiet regolatorji.
Għal xi residenti, din hija prova li meta l-awtoritajiet ikollhom ir-riżorsi u jaġixxu b’mod koordinat, jistgħu jiksbu riżultati.
Iżda għal oħrajn il-mistoqsija tibqa’: kemm irid ikun hemm każijiet qabel ma l-biża’ tal-konsegwenzi tibda tipprevjeni l-azzjoni minn qabel?
Il-Pulizija mhux il-problema, jgħidu residenti
Fl-istess ħin, il-kritika minn ġewwa s-Swieqi mhix neċessarjament diretta lejn il-Pulizija li jaħdmu fil-lokalità.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Jordan Galea Pace, viċi sindku tas-Swieqi faħħar il-ħidma tal-Community Police tas-Swieqi u saħaq li meta wieħed jitkellem dwar nuqqas ta’ infurzar għandu jagħmel distinzjoni bejn il-ħidma tal-uffiċjali u r-riżorsi li jingħatawlhom.
“Fis-Swieqi naħseb għandna fost l-aqwa Community Police f’Malta,” kiteb.
Skont Galea Pace, iż-żieda fil-preżenza tal-Pulizija matul il-lejl qed turi x’jista’ jsir meta jkun hemm aktar riżorsi: interventi aktar rapidi, aktar ħin biex jiġu investigati każijiet u aktar ċans li min jikser il-liġi jinqabad malajr.
“Il-problema qatt ma kienet in-nuqqas ta’ dedikazzjoni tal-Pulizija, iżda n-nuqqas ta’ riżorsi,” sostna.
Din mhix problema ġdida għas-Swieqi. Il-lokalità, qrib Paceville u b’numru sostanzjali ta’ kirjiet għal żmien qasir, ilha għal snin tesperjenza lmenti marbuta ma’ storbju, ħsara lil proprjetà, skart u mġiba antisoċjali. Rapporti preċedenti ddokumentaw ukoll każijiet ta’ mirja tal-karozzi mkissra u residenti frustrati minħabba l-impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Aktar reċentement, il-Partit Nazzjonalista wkoll talab għal aktar riżorsi għall-Pulizija u għall-kunsilli lokali, u semma speċifikament problemi ta’ storbju, vandaliżmu, skart u ordni pubbliku fis-Swieqi.
“Billejl rajna titjib. Imma xi ngħidu għall-ġurnata?”
Is-sors li tkellem magħna jirrikonoxxi li ż-żieda fl-infurzar billejl qed tagħmel differenza.
Iżda jgħid li hemm vojt ieħor: il-ġurnata.
“Veru li hemm multi fuq il-post u hemm aktar Pulizija billejl, imma matul il-ġurnata għad m’għandniex biżżejjed,” qal.
Għalih, il-preżenza tal-Pulizija waħedha lanqas ma tista’ ssolvi kollox. Wieħed mill-aktar strumenti li jemmen li għandu jiġi estiż b’mod drastiku huwa s-CCTV.
F’Mejju kienet tħabbret sistema ta’ 30 kamera ġdida fis-Swieqi, iffinanzjata mill-Malta Tourism Authority u maħsuba biex tkun immonitorjata mil-LESA fuq bażi kontinwa.
Imma s-sors jgħid li dan għadu ferm ’il bogħod minn dak meħtieġ.
“Għandna bżonn mill-inqas 200 kamera,” sostna.
Dak in-numru huwa proposta tal-istess resident, mhux stima uffiċjali, iżda jirrifletti s-sens ta’ frustrazzjoni li t-teknoloġija eżistenti għadha ma tkoprix biżżejjed mit-toroq tal-lokalità.
Mhux biss il-vandaliżmu: “tmur mixja fis-Swieqi u tara l-iskart”
Imbagħad hemm problema li ma tagħmilx l-istess storbju bħal mera ta’ karozza li tinkiser, iżda li għar-residenti hija ħafna aktar kostanti: l-iskart.
“L-ewwel irridu niffaċċjaw il-problema tal-iskart,” qal is-sors. “Jekk tmur timxi fis-Swieqi, kulma tara huwa skart.”
Għalih, aktar CCTV jista’ jkun ukoll għodda ta’ infurzar kontra min joħroġ jew jarmi l-iskart kontra r-regoli.
Il-problema tal-iskart fis-Swieqi kienet diġà tqajmet flimkien ma’ dik tal-kirjiet qosra u l-imġiba antisoċjali, fost ilmenti li boroż jinħarġu barra mill-ħinijiet stabbiliti u jibqgħu fit-toroq għal perjodi twal.
Għal residenti li jitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja, dawn mhumiex problemi separati. Il-flixkun mitfugħ barra, il-borża taż-żibel fit-triq, l-għajjat fis-sigħat bikrin u mera miksura huma lkoll partijiet minn stampa waħda: sens li żona residenzjali qed tkun imġiegħla ġġorr il-konsegwenzi ta’ attività li testendi ferm lil hinn mill-bżonnijiet ta’ dawk li jgħixu fiha.
Wieħed mill-messaġġi li wasal għandna kien aktar qawwi: każijiet fejn tittieħed azzjoni għandhom jingħataw pubbliċità, qal is-sors, sabiex kull min jaħseb li jista’ “jintimida lir-residenti” jew jaġixxi bħallikieku huwa ’l fuq mil-liġi jifhem li se jkun hemm konsegwenzi.
Għalih, dak huwa l-element li għadu nieqes: mhux biss li l-liġi tiġi infurzata, iżda li l-infurzar ikun viżibbli biżżejjed biex ibiddel l-imġiba.
Mistoqsijiet lill-Ministru jibqgħu mingħajr tweġiba
Intant, intbagħtu numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà, immexxi mill-Ministru Glenn Bedingfield. Il-portafoll tiegħu jinkludi fost oħrajn il-Pulizija, l-infurzar tal-liġi u l-LESA.
Il-Ministeru ġie mistoqsi dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-filmat tal-ħsara fuq il-karozza fis-Swieqi u jekk jarax l-episodju bħala każ iżolat jew sintomu ta’ problema akbar.
Ġie mistoqsi wkoll x’se jsir dwar l-ilmenti ta’ nuqqas ta’ infurzar matul il-ġurnata; jekk hemmx pjan għal aktar Pulizija jew uffiċjali tal-infurzar; jekk il-Gvern hux lest jinvesti f’aktar CCTV; kif iwieġeb għall-kritika dwar l-iskart; u x’messaġġ għandu għal residenti li jgħidu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom qed tmur lura.
Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, ma waslet l-ebda risposta mill-Ministeru.
Għas-Swieqi, għalhekk, id-dibattitu m’għadux sempliċement dwar jekk għandux ikun hemm infurzar. Aktar infurzar diġà beda jidher, partikolarment billejl.
Il-mistoqsija issa hija jekk hux biżżejjed.
Għax għal resident li jsib l-iskart quddiem daru, għal sid ta’ karozza li jqum b’mera mkissra, jew għal familja li tistenna li triq residenzjali tibqa’ proprju hekk – residenzjali – multa ta’ €50 għandha tgħaddi minn test sempliċi: Qed twaqqaf il-problema, jew qed timmultaha biss wara li tkun diġà seħħet?
