L-ekonomija Maltija kibret b'3.9% matul l-ewwel kwart tal-2026, tnaqqis meta mqabbel mat-tkabbir ta' 6.5% irreġistrat fl-istess perjodu tas-sena ta' qabel.
Dan joħroġ mit-tielet Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta' Malta għall-2026, li jindika li minkejja r-ritmu aktar kajman, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b'mod b'saħħtu u baqgħet taqbeż il-medja taż-żona ewro. Skont il-Bank Ċentrali, id-domanda domestika kienet il-mutur ewlieni ta' dan it-tkabbir.
Is-settur tas-servizzi baqa' l-akbar kontributur għat-tkabbir ekonomiku, b'mod partikolari l-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, il-ħażna, is-servizzi relatati mal-akkomodazzjoni u l-ikel.
Ir-rapport juri wkoll li s-suq residenzjali tal-proprjetà baqa' jissaħħaħ, bil-prezzijiet tal-proprjetà jiżdiedu b'6.7% fuq bażi annwali. Il-Bank Ċentrali attribwixxa din iż-żieda għad-domanda marbuta mat-turiżmu u mal-ħaddiema barranin. Fis-suq tal-kera, il-prezzijiet reklamati żdiedu bejn 4.9% u 5.3% matul il-perjodu.
In-nefqa tal-gvern żdiedet b'8.5%, l-aktar minħabba aktar investiment fis-setturi tas-saħħa u l-kura residenzjali, filwaqt li n-nefqa privata tal-konsum żdiedet b'3.7%.
Fir-rigward tal-inflazzjoni, ir-rata annwali mkejla permezz tal-Harmonised Index of Consumer Prices (HICP) naqset għal 2.3% f'Marzu 2026. Madankollu, l-inflazzjoni sottostanti, li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, telgħet għal 2.4%, u issa tinsab ogħla mill-medja taż-żona ewro.
Is-suq tax-xogħol baqa' juri domanda qawwija għall-ħaddiema, b'10,022 post tax-xogħol vakanti, l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat għall-ewwel kwart ta' sena. L-impjiegi żdiedu b'3.3% fuq bażi annwali, immexxija prinċipalment minn impjiegi full-time fis-setturi tal-arti, id-divertiment, l-akkomodazzjoni u l-ospitalità. Minkejja dan, is-sigħat medji tax-xogħol fil-ġimgħa naqsu ftit għal 35 siegħa.
Fl-istess perjodu, il-finanzi pubbliċi komplew jiddeterjoraw. Il-gvern irreġistra defiċit ta' €339 miljun, ferm ogħla mid-defiċit ta' €85.3 miljun irreġistrat fl-ewwel kwart tal-2025. Dan kien attribwit prinċipalment għal żieda ta' 14.5% fin-nefqa tal-gvern, li laħqet €2.34 biljun.
Id-defiċit primarju tela' għal €262 miljun, filwaqt li l-proporzjon tad-defiċit mal-Prodott Domestiku Gross żdied għal 3.2%, minn 2.2% fi tmiem l-2025.