L-Aġenzija Identità rreġistrat 2,375 twelid u 2,206 imwiet f'Malta u Għawdex matul l-ewwel sitt xhur tal-2026, filwaqt li matul l-istess perjodu ġew irreġistrati wkoll 956 żwieġ.
Bejn Jannar u Ġunju twieldu 1,216 subien u 1,159 tifla. F'Malta ġew irreġistrati 2,209 twelid, filwaqt li f'Għawdex ġew irreġistrati 166. Fl-istess perjodu ġew irreġistrati 2,206 imwiet, li minnhom 1,106 kienu rġiel u 1,100 kienu nisa.
L-istatistika turi wkoll li r-Reġistru Pubbliku ta' Malta ħareġ 40,386 ċertifikat tal-istat ċivili, fosthom ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt, filwaqt li r-Reġistru Pubbliku ta' Għawdex ħareġ 3,030 ċertifikat.
Fir-rigward tal-infurzar, it-Taqsima tal-Compliance fetħet 301 investigazzjoni, li minnhom 242 ġew konklużi, filwaqt li ngħalqu wkoll 29 każ li kienu nfetħu s-sena ta' qabel. Matul l-istess perjodu saru 122 spezzjoni, żieda ta' 30 fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet, u 112-il persuna ġew mgħoddija lill-pulizija għal aktar investigazzjonijiet u passi legali.
Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Passaporti ħareġ 30,107 passaport ġdid, li jinkludu applikazzjonijiet ipproċessati f'Malta, Għawdex u rappreżentanzi diplomatiċi Maltin barra minn Malta. Dawn iċ-ċifri jinkludu wkoll 89 Emergency Travel Document u 167 Document of Identity, li jinħarġu għal vjaġġ wieħed biss.
Wara li ntemm l-eżerċizzju nazzjonali tat-tiġdid tal-karta tal-identità, bejn Jannar u Ġunju nħarġu 30,334 karta tal-identità ġdida, li minnhom 1,591 kienu karti ġodda. Is-servizz tat-tiġdid permezz tal-Kunsilli Lokali baqa' għaddej, b'1,771 applikazzjoni, filwaqt li Identità rreġistrat aktar minn tmien miljun tranżazzjoni permezz tal-kont tal-eID fl-ewwel nofs tas-sena.