Awwissu jibda bis-sħana hekk kif it-temperaturi jerġgħu jogħlew

Wara ftit jiem ta' sħab u anke xita ħafifa f'xi lokalitajiet, dan it-tmiem il-ġimgħa mistenni jġib lura t-temp tipiku ta' Awwissu, b'temperaturi sa 34°C u umdità għolja

Wara ftit jiem ta' temp aktar imsaħħab u anke xita ħafifa f'xi partijiet ta' Malta, dan l-ewwel tmiem il-ġimgħa ta' Awwissu mistenni jġib lura s-sħana u x-xemx.

Skont it-Taqsima Meteoroloġika, it-temperaturi mistennija jilħqu madwar 34°C is-Sibt, filwaqt li minħabba l-umdità għolja, it-temperatura li tinħass tista' toqrob l-40°C.

It-temp mistenni jibqa  fil-biċċa l-kbira ċar, b'riħ ħafif u livelli għoljin ħafna ta' raġġi UV. Għaldaqstant, it-Taqsima Meteoroloġika qed tħeġġeġ lil dawk li se jqattgħu l-ħin barra jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra s-sħana.

Twissija safra tibqa' fis-seħħ, bit-temperaturi massimi mistennija jvarjaw bejn 33°C u 34°C sa mill-inqas il-5 ta' Awwissu.

Iż-żieda fit-temperaturi hija kkawżata minn sistema ta' pressjoni għolja li qed tistabbilixxi ruħha fuq il-Mediterran ċentrali. Din qed iġġib arja sħuna u stabbli fuq il-gżejjer Maltin, filwaqt li x-xemx qawwija ta' Awwissu qed tkompli ssaħħan il-kundizzjonijiet.

It-temperaturi mistennija jibqgħu qrib l-34°C matul il-Ħadd u fl-ewwel nofs tal-ġimgħa d-dieħla.

Minkejja s-sħana, it-Taqsima Meteoroloġika qalet li f'dan l-istadju mhix prevista mewġa oħra ta' sħana. Biex tiġi ddikjarata mewġa ta' sħana, it-temperatura massima trid taqbeż il-medja ta' Awwissu, li hija ta' 32°C, b'mill-inqas 5°Cgħal tlett ijiem konsekuttivi.

L-uffiċċju spjega wkoll li t-temperatura li tinħass mhijiex meqjusa meta jiġi stabbilit jekk hemmx mewġa ta' sħana. It-temperaturi li jinħassu bejn 36°C u 38°C huma prinċipalment riżultat tal-umdità għolja.

More in Kronaka