Il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield qal li s-soċjetà ma tistax tibqa' tittollera mentalità li tpoġġi l-ħajja ta' persuni oħra fil-periklu.
Bedingfield kien qed jitkellem waqt seminar organizzat mill-Association of Maltese Arms Collectors and Shooters (AMACS), ġurnata wara li żewġ uffiċjali tal-pulizija sfaw milquta b'tiri waqt konfront armat f'San Ġiljan.
Il-Ministru rrakkonta ż-żjara li għamel fl-Isptar Mater Dei, fejn iltaqa' mal-familja tal-uffiċjal li jinsab f'kundizzjoni kritika. Huwa qal li baqa' bla kliem quddiem is-sitwazzjoni u ddeskriva l-impatt li l-inċident ħalla fuq il-Korp tal-Pulizija, filwaqt li nnota s-sens qawwi ta' solidarjetà fost l-uffiċjali li kuljum iwettqu dmirijiethom minkejja r-riskji li jiffaċċjaw.
Bedingfield qal li l-inċident kien ir-riżultat ta' persuna irresponsabbli li ħadet il-liġi f'idejha.
"Spiċċa ż-żmien tal-cowboys," sostna l-Ministru, filwaqt li saħaq li s-soċjetà ma tistax taċċetta mentalitajiet li jpoġġu l-ħajja ta' ħaddieħor f'periklu. Żied li r-responsabbiltà marbuta mal-pussess ta' arma tista' tfisser id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt.
Fid-diskors tiegħu, li sar fl-20 anniversarju mill-Att dwar l-Armi, Bedingfield qal li l-leġiżlazzjoni tipprovdi qafas legali li jibbilanċja l-pussess leġittimu tal-armi mad-dmir tal-Istat li jipproteġi s-sigurtà pubblika.
Huwa għamel distinzjoni ċara bejn il-pussess legali u responsabbli tal-armi u l-abbuż kriminali tagħhom.
Il-Ministru enfasizza wkoll li l-pussess ta' arma għandu jitqies bħala privileġġ li jirrikjedi maturità, dixxiplina u sens qawwi ta' responsabbiltà, u mhux bħala simbolu ta' status.
Bedingfield temm billi appella għal aktar edukazzjoni, taħriġ u koperazzjoni bejn sidien responsabbli tal-armi, l-għaqdiet tagħhom u l-awtoritajiet.