Enemalta investiet €140 miljun fin-network, iżda l-Ministru ma tatx dettalji

Miriam Dalli qalet li sar investiment ta' €140 miljun bejn l-2023 u l-2025, filwaqt li l-PN reġa' talab kumpens awtomatiku għal dawk milquta mill-qtugħ tad-dawl

Enemalta investiet €140 miljun fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku bejn l-2023 u l-2025, qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli fil-Parlament.

Madankollu, il-Ministru ma tatx dettalji dwar kif intefqu dawn il-fondi, minkejja mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li talab tqassim tal-investiment.

Sammut staqsa dwar l-investiment li sar fl-2024, fl-2025 u matul din is-sena biex jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni, u talab informazzjoni dwar kemm intefaq fuq ix-xiri tal-cables, fuq it-tqegħid tagħhom u fuq ix-xogħlijiet ċivili relatati mal-ftuħ u r-restawr tat-toroq.

Fir-risposta tagħha, Dalli qalet biss li "bejn l-2023 u t-tmiem tal-2025, Enemalta investiet €140 miljun biex issaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku", mingħajr ma wieġbet il-bqija tal-mistoqsija.

Dan minkejja li fl-aħħar jiem seħħew diversi ħsarat f'cables ta' vultaġġ għoli li ħallew eluf ta' familji f'diversi lokalitajiet mingħajr elettriku, b'xi qtugħ idum aktar minn 12-il siegħa.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista tenna s-sejħa tiegħu biex jiddaħħal mekkaniżmu awtomatiku ta' kumpens għal familji u negozji milquta minn qtugħ fit-tul u ripetut tad-dawl.

Il-kelliema tal-PN Michael Piccinino u Darren Carabott qalu li l-kumpens għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari u trasparenti, fosthom it-tul tal-qtugħ tad-dawl, ħsara fl-apparat, telf ta' prodotti u stokk, telf ta' bejgħ u l-għeluq furzat tan-negozji.

Huma sostnew li l-proċess għandu jkun sempliċi, rapidu u mingħajr burokrazija żejda.

More in Kronaka