Dan l-artiklu ġie aġġornat
Id-domanda għall-elettriku f'Malta laħqet rekord ġdid ta' 741MW nhar it-Tlieta hekk kif il-pajjiż kompla jesperjenza mewġa ta' sħana intensa.
F'aġġornament maħruġ l-Erbgħa waranofsinhar, Enemalta qalet li t-timijiet tagħha rnexxielhom jirrestawraw il-provvista tal-elettriku fil-lokalitajiet kollha milquta matul il-lejl.
Madankollu, matul ilgħodu żviluppaw żewġ ħsarat f'cables fil-Belt Valletta, fejn l-inġiniera qed iwettqu t-tiswijiet meħtieġa biex il-provvista terġa' lura kemm jista' jkun malajr.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv ta' Enemalta, Ryan Fava, irrikonoxxa d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ir-residenti u n-negozji, filwaqt li talab skuża lil dawk kollha li spiċċaw mingħajr elettriku waqt il-mewġa ta' sħana.
"Enemalta tirrikonoxxi t-tfixkil serju li qed jesperjenzaw ir-residenti u n-negozji u titlob apoloġija sinċiera lil dawk kollha li baqgħu mingħajr elettriku. It-timijiet tekniċi qed jaħdmu lejl u nhar biex isewwu l-ħsarat, jirrestawraw il-provvista u jipprovdu konnessjonijiet alternattivi fejn possibbli," qal Fava.
Huwa spjega li fi ftit sigħat wara li d-domanda kienet laħqet rekord ta' 713MW nhar it-Tnejn, din telgħet għal 741MWnhar it-Tlieta – żieda ta' 11% fuq ir-rekord preċedenti ta' 663MW irreġistrat fl-2023.
Fava qal li fiż-żoni fejn tlestew ix-xogħlijiet ta' tisħiħ tan-network, il-konnessjonijiet addizzjonali ppermettew lit-timijiet tekniċi jdawru l-provvista u jirrestawraw l-elettriku aktar malajr minkejja d-domanda rekord.
Madankollu, ammetta li l-ħsarat li seħħew fl-aħħar jiem juru wkoll il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu s-sezzjonijiet aktar vulnerabbli tan-network bħala parti mill-programm ta' investiment ta' Enemalta.
Il-kumpanija qalet li t-timijiet tekniċi kollha għadhom skjerati, filwaqt li crews addizzjonali jinsabu standby biex jirrispondu għal kwalunkwe ħsara oħra. Żdied ukoll in-numru ta' impjegati li qed iwieġbu fuq il-helpline 153, li topera 24 siegħa kuljum.
"Qed nisimgħu u qed nirreaġixxu malajr kemm nistgħu. Irridu nassiguraw lil kull min intlaqat li t-timijiet tagħna se jkomplu jaħdmu bla waqfien biex jirrestawraw il-provvista u jistabbilizzaw is-sitwazzjoni," żied Fava.
Matul il-lejl tat-Tlieta, diversi lokalitajiet fosthom partijiet mill-Birgu, Ħal Qormi, Gudja, Għargħur, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ħal Luqa, il-Marsa, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Santa Luċija, is-Swieqi u Ħal Tarxien kienu milquta minn qtugħ tad-dawl.
Anke l-logħba ta' kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League bejn Floriana u Drita fiċ-Centenary Stadium kellha tieqaf tliet darbiet minħabba l-interruzzjonijiet fil-provvista.
Sadanittant, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-isfidi li qed jiffaċċja n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku huma marbuta mal-mudell ekonomiku attwali tal-pajjiż, u sostniet li ż-żieda fid-domanda kienet prevedibbli fid-dawl tat-tkabbir tal-popolazzjoni, it-turiżmu u t-temperaturi dejjem jogħlew.