Moviment Graffitti qed torganizza protesta kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tissanzjona l-20 padel court mibnija illegalment f'Manoel Island u li tagħti permess lill-iżviluppatur Sharlon Pace biex jibni 10 courts oħra fuq l-istess sit.
Il-protesta se ssir fl-24 ta' Lulju fis-6pm, quddiem id-daħla ta' Manoel Island, eżatt quddiem il-padel courts.
L-NGO sostniet ukoll li l-padel courts illegali nbnew fuq fdalijiet arkeoloġiċi ta' importanza.
Fi stqarrija, Moviment Graffitti qalet li l-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed b'mod ċar li Manoel Island kienet se tingħata lura lill-poplu.
"Sharlon Pace mhux 'il-poplu'," sostniet l-għaqda.
Moviment Graffitti appellat lill-Gvern biex iżomm din il-wegħda u jiżgura li kwalunkwe pjan għal Manoel Island jitfassal b'approċċ olistiku li jħares il-ġid komuni.
L-għaqda saħqet li Gżira United FC jistħoqqilha grawnd tal-futbol f'Manoel Island, kif ilu mwiegħed għal snin twal. Madankollu, sostniet li l-padel courts illum qed jokkupaw art li l-poplu Malti ħallas €43 miljun biex terġa' ssir proprjetà pubblika.
Moviment Graffitti temmet billi qalet li temmen li ċ-ċittadini għandhom il-qawwa jopponu lil dawk li, skontha, qed jippruvaw jistagħnew minn art pubblika, u appellat lill-pubbliku biex jattendi għall-protesta.