Din l-Art Ħelwa ħabbret li se tappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tissanzjona l-20 padel court mibnija illegalment f'Manoel Island, u qalet li din tmur kontra l-wegħdiet tal-Gvern li jittrasforma s-sit f'park nazzjonali.
Fi stqarrija, l-NGO qalet li d-deċiżjoni tal-PA ma timponix biss multa li ddeskrivietha bħala "minima", iżda tagħti wkoll il-permess lill-iżviluppatur Sharlon Pace biex jibni 10 padel courts oħra fuq l-istess sit.
Din l-Art Ħelwa sostniet li l-wegħdiet tal-Gvern dwar Manoel Island issa spiċċaw wegħdiet vojta ta' qabel l-elezzjoni, filwaqt li l-art reġgħet qed tingħata għal interessi kummerċjali privati taħt il-pretest ta' faċilitajiet sportivi.
L-għaqda qalet li d-deċiżjoni tirrappreżenta tradiment tal-fiduċja pubblika u ħela tal-€43 miljun ta' fondi pubbliċi li ntużaw aktar kmieni din is-sena biex il-Gvern jixtri lura l-konċessjoni ta' Manoel Island mingħand MIDI.
Skont l-NGO, il-fatt li l-iżvilupp illegali ġie ssanzjonat ifisser li flus il-poplu qed jintużaw biex "jippremjaw" negozju li beda b'mod illegali.
Din l-Art Ħelwa sostniet ukoll li s-sanzjonar tal-padel courts fid-daħla ta' Manoel Island ipoġġi f'riskju serju l-possibbiltà li jitfassal masterplan komprensiv għall-park nazzjonali.
L-għaqda kkonfermat li se tippreżenta appell formali kontra d-deċiżjoni tal-Planning Authority.