Żewġ liġijiet ġodda dwar id-diżabilità u l-adulti vulnerabbli jidħlu fis-seħħ

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-liġijiet il-ġodda jsaħħu l-awtonomija ta' persuni b'diżabilità u l-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli

Ritratt:OPM/DOI
Ritratt:OPM/DOI

Żewġ liġijiet ġodda marbuta mad-diżabilità u l-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli daħlu uffiċjalment fis-seħħ, ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela waqt il-ftuħ tas-16-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball ta' 53 siegħa b'risq Id-Dar tal-Providenza.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi l-Att dwar l-Awtonomija Personali u l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Adulti Vulnerabbli.

Abela spjega li l-Att dwar l-Awtonomija Personali huwa bbażat fuq il-prinċipju li deċiżjonijiet m'għandhomx jittieħdu f'isem persuna oħra sakemm din tkun kapaċi tiddeċiedi waħedha.

"L-akbar ħaġa li nistgħu nagħtu lill-persuni b'diżabilità hija l-awtonomija. Fejn ikun possibbli, din il-liġi se tiżgura li jkollhom id-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess," qal il-Prim Ministru.

Huwa spjega li l-qafas il-ġdid se jippermetti lil persuni li jeħtieġu għajnuna fit-teħid tad-deċiżjonijiet jirċievu l-appoġġ meħtieġ mingħajr ma jitilfu l-awtonomija legali tagħhom.

Abela ħabbar ukoll li daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Adulti Vulnerabbli, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni u l-appoġġ għal adulti vulnerabbli, fosthom persuni anzjani u persuni b'diżabilità.

Il-Prim Ministru qal li d-dħul fis-seħħ ta' dawn iż-żewġ liġijiet iwettaq impenn li l-Gvern kien ħa matul l-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura attwali.

Matul l-attività, Abela rringrazzja lill-amministrazzjoni, lill-impjegati u lill-voluntiera ta' Id-Dar tal-Providenza għall-ħidma tagħhom u ppreżenta donazzjoni ta' €20,000 mill-Fond għal Kawżi Soċjali lill-istess dar.

More in Kronaka