Moviment Graffitti appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex iżomm kelmtu u jiżgura li Manoel Island issir park nazzjonali, hekk kif il-Bord tal-Ippjanar se jiddeċiedi din il-ġimgħa jekk jissanzjonax 20 padel court li nbnew illegalment fuq il-gżira.
L-applikazzjoni tikkonċerna sit ta' madwar 6,700 metru kwadru fi Nicholl Ground, fejn il-padel courts diġà nbnew mingħajr permess tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA).
Ir-rapport tal-case officer jirrakkomanda li l-iżvilupp jiġi approvat u regolarizzat permezz ta' multa ta' €900, filwaqt li jinnota li s-sit jista' fil-futur jakkomoda sa 30 padel court.
Moviment Graffitti qal li jekk l-applikazzjoni tiġi approvata, il-viżjoni mħabbra minn Abela biex Manoel Island issir spazju pubbliku miftuħ tispiċċa fix-xejn.
L-NGO sostniet li l-għoti ta' użu permanenti tas-sit lin-negozjant u president ta' Gżira United FC Sharlon Pace imur kontra dak li qed jitolbu r-residenti u l-pubbliku.
Graffitti fakkret li x-xogħlijiet illegali kienu ġew irrappurtati għall-ewwel darba f'Marzu u sostniet li Pace ammetta li għandu interess kummerċjali fis-settur tal-padel.
L-organizzazzjoni kkritikat ukoll il-fatt li l-case officer irrakkomanda l-approvazzjoni minkejja d-diversi oġġezzjonijiet ippreżentati mill-pubbliku.
Il-każ kellu jinstema' fil-21 ta' Mejju iżda ġie pospost fuq talba tal-applikant. Issa l-Bord tal-Ippjanar mistenni jieħu deċiżjoni nhar il-Ħamis 16 ta' Lulju.
Moviment Graffitti sostniet li kumpless kummerċjali tal-padel ma jissodisfax il-ħtiġijiet tar-residenti tal-Gżira u mhuwiex kompatibbli mal-viżjoni ta' Manoel Island bħala spazju pubbliku u mhux kummerċjali.
L-NGO appellat lill-PA biex tirrifjuta kompletament l-applikazzjoni minflok tissanġjona l-iżvilupp illegali.