L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta (MTA) bdiet proċeduri ta' infurzar kontra numru ta' appartamenti għall-kiri fis-Swieqi wara l-inċident li seħħ fi tmiem il-ġimgħa, meta grupp ta' turisti deher jitfa' fliexken fit-triq u joħloq inkonvenjent f'żona residenzjali.
L-MTA qalet li, wara spezzjonijiet li saru fil-blokka ta' appartamenti, instab li tmienja mid-disa' appartamenti kienu qed joperaw bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja turistika tagħhom.
B'riżultat ta' dan, l-awtorità bdiet tieħu l-passi legali u ta' infurzar previsti mil-liġi kontra l-liċenzjat.
L-ispezzjonijiet saru b'kollaborazzjoni mal-Pulizija tal-Komunità, il-Kunsill Lokali ta' Swieqi u entitajiet oħra sabiex jiġi vverifikat li l-akkomodazzjoni turistika qed topera skont ir-regolamenti.
L-MTA qalet li se tkompli twettaq spezzjonijiet simili fis-Swieqi u lokalitajiet oħra biex tidentifika każijiet ta' nuqqas ta' konformità u tiżgura li l-operaturi josservaw il-qafas regolatorju.
L-awtorità fakkret ukoll li, skont ir-regolamenti l-ġodda dwar l-akkomodazzjoni turistika, kull proprjetà li tinstab topera bħala short-let mingħajr il-liċenzja meħtieġa ma tkunx tista' tapplika għal liċenzja ġdida għal perjodu ta' tliet snin.
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti ta' Malta (MHRA) laqgħet l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet u faħħret lill-Pulizija talli identifikat lill-persuni involuti u imponiet multi fuq il-post.
L-MHRA qalet li dan il-każ juri li l-ksur tar-regolamenti tat-turiżmu u l-imġiba antisoċjali se jiġu indirizzati b'miżuri konkreti ta' infurzar.
Madankollu, l-assoċjazzjoni sostniet li l-multi attwali mhumiex biżżejjed biex jiskoraġġixxu tali mġiba, u appellat biex il-multi fuq il-post jiżdiedu sabiex jiġu protetti r-residenti u r-reputazzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni turistika ta' kwalità.
Ilbieraħ, il-Pulizija mmultat 12-il persuna b'total ta' madwar €2,000 b'rabta mal-inċident.