Momentum laqa' l-ħatra tal-Ispettur Elliot Magro bħala l-Kummissarju l-ġdid għall-Ħarsien tal-Annimali, u esprima t-tama li l-esperjenza tiegħu twassal għal infurzar aktar effettiv tal-liġijiet dwar il-benesseri tal-annimali f'Malta.
Fi stqarrija, il-partit feraħ lil Magro għall-ħatra tiegħu u awguralu suċċess fir-rwol il-ġdid, li ddeskriva bħala responsabbiltà importanti fuq livell nazzjonali.
Momentum irrimarka li diversi għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali faħħru l-professjonalità, l-impenn u d-dedikazzjoni li wera Magro matul iż-żmien li mexxa t-Taqsima tal-Protezzjoni Ambjentali tal-Pulizija, b'mod partikolari fil-każijiet ta' moħqrija fuq l-annimali.
Il-partit qal li l-ħatra tiegħu tasal fi żmien meta Malta għadha qed tiffaċċja sfidi kbar fl-infurzar tal-liġijiet dwar il-benesseri tal-annimali, filwaqt li sostna li n-nuqqas ta' infurzar jibqa' wieħed mill-akbar ostakli biex jiġu protetti l-annimali minn negliġenza, abbuż u sfruttament.
Momentum qal li jittama li l-kummissarju l-ġdid isaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, itejjeb l-infurzar u jiżgura li l-liġijiet eżistenti jiġu applikati b'mod konsistenti.
Fl-istess ħin, il-partit appella biex jiġu implimentati diversi proposti, fosthom l-introduzzjoni ta' lista pożittiva tal-ispeċijiet ta' annimali li jistgħu legalment jinżammu bħala pets, il-ħatra ta' Maġistrat speċjalizzat fil-ħarsien tal-annimali, aktar spezzjonijiet u azzjoni aktar iebsa kontra min jirrepeti reati ta' moħqrija fuq l-annimali.
Momentum ippropona wkoll il-ħolqien ta' Kunsill Konsultattiv indipendenti għall-Ħarsien tal-Annimali, aktar investiment f'kampanji ta' edukazzjoni dwar is-sjieda responsabbli tal-annimali, regolamentazzjoni aktar stretta tat-trobbija u l-bejgħ tal-annimali domestiċi, kif ukoll li l-ħatra tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali ssir permezz ta' sejħa pubblika segwita minn approvazzjoni parlamentari.
Il-membru tal-eżekuttiv ta' Momentum, Katya Compagno, qalet li l-partit jinsab lest jaħdem mal-Kummissarju Magro u mal-partijiet interessati kollha biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-annimali f'Malta.