L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) ħarġet sejħa għall-offerti għall-implimentazzjoni tal-European Digital Identity (EUDI) Wallet f'Malta, pass ieħor lejn it-trasformazzjoni diġitali tal-pajjiż.
Il-proġett se jintroduċi wallet diġitali sigur li permezz tiegħu ċ-ċittadini u r-residenti se jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati b'mod aktar faċli, filwaqt li jkollhom kontroll akbar fuq kif tinqasam l-informazzjoni personali tagħhom.
Ladarba jiġi implimentat, l-EUDI Wallet se jippermetti lill-utenti jivverifikaw l-identità tagħhom kemm online kif ukoll personalment, jikkonfermaw l-età tagħhom fejn meħtieġ, jaħżnu dokumenti uffiċjali bħall-liċenzja tas-sewqan u jiffirmaw dokumenti b'mod elettroniku.
Il-wallet se jkun rikonoxxut mhux biss f'Malta iżda wkoll fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-MDIA se tkun responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjattaforma, kif ukoll mis-sistemi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tagħha u l-kompatibbiltà tagħha ma' sistemi oħra ta' identità diġitali fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Gvern biex juża teknoloġiji innovattivi ħalli jtejjeb is-servizzi ta' kuljum u jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta bħala pajjiż avvanzat fil-qasam diġitali.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat qal li l-proġett huwa eżempju ta' kif it-teknoloġija tista' tintuża biex jinħolqu servizzi aktar siguri, affidabbli u ffukati fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini.
Is-sejħa għall-offerti se tibqa' miftuħa permezz tas-sistema elettronika tal-akkwist pubbliku tal-Gvern (ePPS) sat-3 ta' Settembru.