L-Ispettur Elliot Magro maħtur Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali

L-Ispettur tal-Pulizija Elliot Magro inħatar Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali u se jibda jaqdi din il-kariga mill-20 ta' Lulju, minflok Fleur Abela

Abela ħalliet il-kariga wara li kkontestat l-elezzjoni ġenerali f'isem il-Partit Laburista u ġiet eletta fil-Parlament.

Fil-kariga l-ġdida tiegħu, Magro se jkun responsabbli mill-promozzjoni u l-ħarsien tal-benesseri, id-drittijiet u l-protezzjoni tal-annimali f'Malta u Għawdex.

Magro ilu membru tal-Korp tal-Pulizija għal aktar minn 21 sena, filwaqt li ilu jokkupa l-grad ta' spettur għal dawn l-aħħar 11-il sena. Matul il-karriera tiegħu mexxa diversi investigazzjonijiet, ipprosekuta mijiet ta' kawżi fil-Qorti u okkupa numru ta' karigi ta' tmexxija.

F'dawn l-aħħar snin kien imexxi t-Taqsima tal-Pulizija għall-Ħarsien tal-Ambjent, fejn kien responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet relatati mar-reati ambjentali, il-moħqrija fuq l-annimali u t-trattament ħażin tagħhom.

Fl-2022, Magro ngħata l-Premju Speċjali tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali waqt l-Animal Honours Awards bħala rikonoxximent għall-impenn tiegħu fl-infurzar tal-liġijiet kontra l-moħqrija u l-abbuż fuq l-annimali.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, irringrazzjat lil Fleur Abela għax-xogħol u l-impenn tagħha matul iż-żmien li serviet bħala Kummissarju.

Hija awgurat ukoll suċċess lil Magro fil-kariga l-ġdida tiegħu u qalet li l-Gvern jistenna li jkompli jsaħħaħ il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali f'Malta u Għawdex.

More in Kronaka