Koalizzjoni għal Għawdex toġġezzjona għal farm solari fuq l-Għolja ta' Kuljat

Il-koalizzjoni tgħid li l-proġett propost se jsir f'żona ta' sensittività għolja tal-pajsaġġ u twissi li jista' joħloq preċedent perikoluż għall-kampanja Għawdxija

Ritratt: The Coalition for Gozo
Ritratt: The Coalition for Gozo

Il-Koalizzjoni għal Għawdex ressqet oġġezzjoni formali għall-applikazzjoni PA/03747/26, li tipproponi l-iżvilupp ta' farm solari fotovoltajku fuq skala industrijali fl-Għolja ta' Kuljat, fiż-Żebbuġ, Għawdex. 

Skont il-koalizzjoni, il-proġett huwa ppjanat fuq medda ta' madwar 27,360 metru kwadru – erja li hija kważi daqs erba' grounds tal-futbol – f'żona ta' sensittività għolja tal-pajsaġġ, b'parti sostanzjali tal-iżvilupp proposta fuq xagħri protett. 

Il-koalizzjoni qalet li mhijiex kontra l-użu tal-enerġija rinovabbli, iżda sostniet li farms solari għandhom jinbnew fuq soqfa, f'żoni industrijali, f'landfills, barrieri jew siti oħra li diġà ġew żviluppati, u mhux fuq art rurali protetta. 

Fl-oġġezzjoni tagħha, il-koalizzjoni argumentat ukoll li l-passaġġ eżistenti lejn is-sit huwa dejjaq wisq biex jakkomoda vetturi u makkinarju tal-kostruzzjoni. Hija sostniet li kwalunkwe aċċess realistiku jkun jeħtieġ intervent fuq art agrikola u infrastruttura rurali. Żiedet li l-proġett jinvolvi wkoll cables, arbli, skavar ta' trinek u konnessjoni mal-grid nazzjonali, filwaqt li d-dawl tas-sigurtà u tal-manutenzjoni jista' jwassal għal tniġġis bid-dawl f'żona rurali. 

Skont il-koalizzjoni, l-iżvilupp se jkollu impatt negattiv fuq il-pajsaġġ, l-art agrikola u l-karattru rurali tal-Għolja ta' Kuljat, filwaqt li joħloq preċedent għal żviluppi simili fuq għoljiet oħra f'Għawdex. Hija sostni wkoll li l-proposta tmur kontra diversi policies tal-ippjanar u mhijiex kompatibbli mas-Solar Farm Policy tal-2021. 

Il-Koalizzjoni għal Għawdex appellat lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta l-applikazzjoni u ħeġġet lill-pubbliku jippreżenta l-oġġezzjonijiet tiegħu qabel tittieħed deċiżjoni. 

More in Kronaka