13-il persuna jlestu b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni ta’ Sedqa

Tlettax-il persuna temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni tal-Aġenzija Sedqa, waqt ċerimonja li ċċelebrat ukoll il-ħidma ta’ entitajiet u professjonisti fil-ġlieda kontra l-vizzji

Ritratti:MSF
Ritratti:MSF

Tlettax-il persuna temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni offrut mill-Aġenzija Sedqa, li għandu l-għan li jgħin lil persuni jegħlbu d-dipendenza mid-droga u jibdew kapitlu ġdid f’ħajjithom.

Matul iċ-ċerimonja annwali, Sedqa rrikonoxxiet ukoll il-kontribut ta’ diversi entitajiet li jaħdmu favur soċjetà aktar sana u ħielsa mill-vizzji. L-attività saret fil-preżenza tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon.

Fid-diskors tagħha, il-President faħħret ir-reżiljenza u l-kuraġġ ta’ dawk li ggradwaw mill-programm u appellat biex fis-soċjetà jonqos il-preġudizzju lejn persuni li jsofru mill-vizzji. Hija qalet li min jinsab f’din is-sitwazzjoni għandu bżonn l-għajnuna u mhux il-kundanna.

Il-Ministru Michael Falzon saħaq fuq il-ħtieġa li l-Gvern ikompli jinvesti fi programmi ta’ riabilitazzjoni u fil-professjonisti li jwettquhom, filwaqt li ħeġġeġ lil dawk li qed ibatu minn dipendenza biex ifittxu l-għajnuna qabel ma s-sitwazzjoni tiggrava.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, qal li matul l-2025 Sedqa għenet 2,037 persuna, filwaqt li sa nofs Ġunju ta’ din is-sena diġà ngħatat għajnuna lil 1,832 persuna oħra.

Huwa żied li matul l-2025 saru 4,141 programm ta’ prevenzjoni li laħqu aktar minn 27,000 persuna, filwaqt li sa nofs din is-sena kienu diġà saru 1,313-il sessjoni ta’ taħriġ li laħqu aktar minn 9,000 persuna.

More in Kronaka