Il-Malta Union of Teachers (MUT) u l-Università ta' Malta ffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-Junior College li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi ta' madwar 160 membru akkademiku.
Il-ftehim, li se jibqa' fis-seħħ sal-aħħar ta' Diċembru 2026, jinkludi struttura aktar ċara għall-progress fil-karriera, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi, proċeduri aktar effettivi għar-reklutaġġ u d-dixxiplina, kif ukoll miżuri msaħħa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-ftehim wasal wara tilwima industrijali li l-MUT iddikjarat f'April li għadda, meta ordnat direttivi industrijali fil-Junior College wara li ma ntlaħaqx qbil mal-Gvern. Id-direttivi daħlu fis-seħħ fil-15 ta' April u tneħħew fit-18 ta' Ġunju wara li ntlaħaq ftehim fil-prinċipju.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Byron Camilleri qal li edukazzjoni ta' kwalità tibda mill-edukaturi u sostna li billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom, il-pajjiż ikun qed jinvesti fil-futur tal-istudenti.
Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Alfred J. Vella, laqa' l-ftehim u rrimarka li l-Junior College għandu rwol importanti ħafna bħala l-istituzzjoni li tipprepara lill-maġġoranza tal-istudenti li jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, iddeskriva l-ftehim bħala wieħed importanti fl-istorja tal-Junior College, filwaqt li rringrazzja lill-partijiet kollha involuti fin-negozjati u lill-membri tal-union għall-appoġġ tagħhom.