Momentum qed jipproponi li l-limitu massimu ta’ viżitaturi fil-Blue Lagoon, f’Kemmuna, jitnaqqas minn 4,000 għal 2,000 persuna f’kull time slot, hekk kif sostna li n-numru attwali qed ipoġġi pressjoni kbira fuq l-ekosistema tal-gżira.
Il-partit qal li nofs dawn il-postijiet, jiġifieri 1,000, għandhom ikunu riservati esklussivament għar-residenti ta’ Malta u Għawdex. Żied li jekk dan il-limitu xorta jirriżulta għoli wisq, għandu jitnaqqas aktar.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Momentum, Mark Camilleri Gambin, qal li r-ritratti li dehru fl-aħħar jiem tal-Blue Lagoon mimlija bin-nies juru li l-limitu attwali mhux qed jaħdem.
Huwa sostna li jekk l-istudju dwar il-kapaċità ta’ Kemmuna wassal għall-konklużjoni li jistgħu jidħlu 4,000 persuna fl-istess ħin, allura dak l-istudju għandu jiġi rivedut.
Momentum qal li l-proposta hija maħsuba biex tindirizza l-problema tal-overtourism u semma kif destinazzjonijiet bħall-Venezja, Sardinja u Barċellona diġà adottaw sistemi simili biex jillimitaw in-numru ta’ viżitaturi u jagħtu prijorità lir-residenti.
Il-partit ippropona wkoll li r-residenti Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jibbukkjaw l-aċċess tagħhom permezz tas-sistema eżistenti billi jidħlu bl-eID tagħhom, sabiex jingħataw aċċess għall-allokazzjoni riservata għalihom.
Momentum temm jgħid li huwa possibbli li l-għadd ta’ viżitaturi jiġi ġestit b’mod sostenibbli filwaqt li jiġu protetti kemm l-ambjent naturali kif ukoll id-dritt tar-residenti li jgawdu Kemmuna.