Il-proġett tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija laħaq tragward ieħor wara li tlestiet il-manifattura u l-ittestjar tal-cable ta' taħt il-baħar li se jgħaqqad liż-żewġ pajjiżi.
Il-cable ta' vultaġġ għoli, twil 103 kilometri, ġie mmanifatturat fil-faċilità ta' Nexans f'Charleston, fl-Istati Uniti, fejn għadda wkoll minn programm estensiv ta' testijiet biex tiġi ċċertifikata l-integrità u l-affidabbiltà tiegħu. Wara li tlestew dawn il-proċeduri, tqiegħed fuq carousel apposta u issa jinsab lest biex jitgħabba fuq il-bastiment li se jwettaq l-installazzjoni taħt il-baħar aktar tard din is-sena.
Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, qalet li dan huwa pass importanti fit-twettiq tal-proġett, li se jsaħħaħ il-konnessjoni tal-elettriku ta' Malta man-netwerk Ewropew, iżid ir-reżiljenza tas-sistema u jiffaċilita aktar integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli bħala parti mit-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn id-dekarbonizzazzjoni.
Il-fażi li jmiss se tkun it-tagħbija tal-cable fuq il-bastiment Nexans Electra, li permezz tiegħu se jitqiegħed taħt il-baħar. Il-Gvern qal li t-tħejjijiet tar-rotta marittima meħtieġa għall-installazzjoni tlestew ukoll b'suċċess matul il-ġimgħa li għaddiet.
Il-proġett huwa rikonoxxut bħala "Operazzjoni ta' Importanza Strateġika" fil-programm Ewropew 2021-2027 u huwa sostnut b'finanzjament Ewropew ta' €261 miljun.