Konfiskati prodotti tal-ikel li ddaħħlu Malta bi ksur tar-regolamenti tas-sigurtà tal-ikel

L-Awtorità għas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-Ikel ikkonfiskat konsenja ta' prodotti tal-ikel li ddaħħlet Malta mill-Albanija permezz ta' Sqallija wara li nstab li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa mil-liġi

Ritratt:  Food Safety and Security Authority
Ritratt: Food Safety and Security Authority

L-Awtorità għas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-Ikel (FSSA) ikkonfiskat konsenja ta' prodotti tal-ikel li ddaħħlet Malta mill-Albanija permezz ta' Sqallija wara li nstab li kienet tikser ir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-ikel.

L-awtorità qalet li ġiet infurmata bil-wasla tal-vann il-Ġimgħa filgħaxija wara li l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana qajmet allarm hekk kif il-vettura waslet Malta bil-vapur minn Sqallija.

Ritratt:  Food Safety and Security Authority
Ritratt: Food Safety and Security Authority

Waqt spezzjoni li saret fuq il-konsenja, instabu diversi prodotti li ma kinux konformi mar-regolamenti. Fost dawn kien hemm laħam, jogurt, ġobon, snacks, żejt taż-żebbuġa, soft drinks, fażola, bajd, xorb alkoħoliku, melħ u meraq.

Skont il-FSSA, il-prodotti kienu ġew ittrasportati f'temperaturi mhux xierqa u, f'xi każijiet, ma kellhomx it-tikkettar obbligatorju. Barra minn hekk, kienu neqsin id-dokumenti meħtieġa biex tkun garantita t-traċċabbiltà tagħhom.

L-awtorità rrimarkat ukoll li ma kinitx ġiet infurmata bil-wasla tal-konsenja kif jitlob il-liġi.

Bħala miżura ta' prekawzjoni, il-prodotti kollha ġew issiġillati u se jinqerdu sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika.

More in Kronaka