Il-Partit Momentum appella għal aktar responsabbiltà u infurzar fis-settur tal-kostruzzjoni wara l-kollass tal-iscaffolding fi Triq Reggie Miller, Gżira, li seħħ il-Ġimgħa filgħodu.
Il-partit sostna li l-fatt li ħadd ma weġġa’ kien frott ix-xorti aktar milli ta’ sistema effettiva ta’ sigurtà. Skont Momentum, filmati tal-inċident juru li excavator fuq is-sit jidher li laqat l-armar, li spiċċa waqa’ fit-triq fejn kienu għaddejjin il-vetturi.
Momentum qal li karozza għaddiet minn taħt l-armar ftit mumenti qabel dan ċeda, filwaqt li vettura oħra waqfet eżatt qabel waqa’ l-armar fit-triq.
Il-partit sostna li dan l-inċident juri n-nuqqas ta’ infurzar effettiv fis-settur tal-kostruzzjoni u kkritika s-sistema attwali, fejn qal li r-responsabbiltajiet huma mifruxa fost diversi awtoritajiet mingħajr accountability ċara.
Momentum qed jipproponi li tinħoloq awtorità waħda responsabbli mill-infurzar relatat ma’ strutturi perikolużi u siti ta’ kostruzzjoni, sabiex tintemm is-sitwazzjoni fejn, skont il-partit, ir-responsabbiltajiet jinqasmu bejn entitajiet differenti.
Il-partit reġa’ tenna wkoll proposta li kien ressaq fil-manifest elettorali tiegħu biex jitwaqqaf numru ta’ emerġenza fejn ir-residenti jkunu jistgħu jirrappurtaw strutturi perikolużi jew siti ta’ kostruzzjoni li jistgħu joħolqu riskju għas-sigurtà pubblika.
Momentum qal ukoll li se jkompli jinsisti għal riforma fl-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tkun immexxija minn esperti indipendenti u mingħajr kunflitti ta’ interess mas-settur tal-kostruzzjoni.
Il-partit sostna li għandu jkun hemm konsegwenzi aktar serji meta xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jqiegħdu fil-periklu lir-residenti u lill-pubbliku, anke jekk ma jkun hemm l-ebda persuna midruba.
Il-membru tal-kumitat ta’ Momentum, Dr Matthew Agius, qal li n-nies li kienu għaddejjin minn Triq Reggie Miller "salvaw għax sewwieq irnexxielu jieqaf fil-ħin, mhux għax is-sistema pproteġithom". Huwa sostna li s-sigurtà m’għandhiex tiddependi mix-xorti u tenna li l-partit se jkompli jaħdem favur regolamentazzjoni u infurzar aktar effettivi fis-settur tal-kostruzzjoni.