L-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AiMS) ippubblikat l-ewwel manwal nazzjonali dwar is-salvagwardja fis-settur sportiv, f'dak li ddeskriviet bħala pass importanti biex tkompli tippromwovi l-prinċipji ta' Safe Sport fil-livelli kollha tal-isport.
Il-pubblikazzjoni, bl-isem "Best Practices in Maltese Sport", hija maħsuba biex issaħħaħ l-istandards tas-salvagwardja fil-komunità sportiva Maltija u tgħin biex jinħolqu ambjenti fejn kulħadd jista' jipparteċipa b'mod sigur u b'fiduċja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-AiMS, Kevin Azzopardi, qal li s-salvagwardja hija fil-qalba tal-missjoni tal-Awtorità.
"Huwa importanti li nifhmu li s-salvagwardja ma tirrigwardjax biss lit-tfal u ż-żgħażagħ. Il-ħsara, l-abbuż, id-diskriminazzjoni, il-fastidju, in-negliġenza u l-isfruttament jistgħu jolqtu lil kull persuna, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, l-abilità, l-etniċità, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali jew l-isfond tagħha," sostna Azzopardi.
L-Awtorità enfasizzat li l-għan tagħha huwa li toħloq kultura sportiva fejn kull parteċipant iħossu sigur, rispettat u apprezzat. Skont l-AiMS, il-prinċipji tas-salvagwardja għandhom ikunu integrati f'kull livell tal-isport, mill-parteċipazzjoni fil-livell bażiku sal-ogħla livell kompetittiv, biex il-benesseri tal-individwi jibqa' prijorità f'kull deċiżjoni.
Il-manwal tfassal wara żewġ sessjonijiet ta' konsultazzjoni li saru matul is-sena li għaddiet, fejn rappreżentanti minn diversi oqsma tas-settur sportiv qasmu l-esperjenzi u s-suġġerimenti tagħhom dwar kif jistgħu jissaħħu l-miżuri ta' salvagwardja.
Iddisinjat bħala għodda prattika u faċli biex tintuża, il-manwal joffri gwida ċara dwar kif l-organizzazzjonijiet sportivi jistgħu jimplimentaw miżuri effettivi ta' protezzjoni. Dan jinkludi wkoll eżempji ta' prattiki tajbin permezz ta' lista ta' "Do's and Don'ts" dwar diversi sitwazzjonijiet, fosthom il-komunikazzjoni online, is-sigurtà diġitali, l-arranġamenti tal-ivvjaġġar u l-użu tal-kmamar tat-tibdil.
Skont l-AiMS, il-pubblikazzjoni għandha tgħin biex titqajjem aktar kuxjenza dwar is-salvagwardja, tħeġġeġ imġiba pożittiva u ssaħħaħ kultura ta' rispett u protezzjoni fl-isport Malti.
Fil-jiem li ġejjin, kopja tal-manwal se tintbagħat lill-Federazzjonijiet Nazzjonali kollha u lill-klabbs sportivi lokali. Verżjoni diġitali tal-pubblikazzjoni hija wkoll disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-AiMS.