‘Ħanqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema!’

Fuq il-każ tal-laptop ta’ Adrian Agius fil-ħabs, Glenn Bedingfield jgħid li mhux se jilgħab il-logħba ta’ min huwa skreditat u qed ifittex ir-relevanza fit-tejatrin tal-media soċjali

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield insista ma’ din il-gazzetta li mhux se joqgħod iwieġeb għal kummenti li jsiru fuq il-media soċjali, lanqas dwar il-każ ta’ Adrian Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, li nstab fil-pussess ta’ laptop li allegatament kien qed jintuża b’aċċess għall-internet waqt li qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Mistoqsi jagħti iktar dettalji fuq il-kaz, Bedingfield ikkonferma li t-tmexxija tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin ħadet miżuri dixxiplinari fil-konfront ta’ priġunier, u li għamlet dan sew qabel ma saru allegazzjonijiet fil-media soċjali. 

“L-azzjoni setgħet tittieħed għax fil-ħabs hemm sorveljanza, u skrutinju kontinwu,” qalilna.

B’referenza ovvja għall-eks deputat tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi, li kien l-ewwel li żvela l-każ pubblikament, Bedingfield qal li mhux ser jaqa’ għat-tentazzjoni li jilgħab “il-logħba ta’ min huwa skreditat u qed ifittex ir-relevanza fit-tejatrin tal-media soċjali”.

“Kif qalli darba anzjan għaref fl-universita’ tat-triq, ħanqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema!,” sostna Bedingfield ma’ din il-gazzetta.

Hu spjega li Agius kien ingħata permess uffiċjali biex juża laptop mingħajr internet f’Mejju ta’ sentejn ilu, wara talbiet li kienu saru lill-amministrazzjoni tal-ħabs u lill-qorti. Skont il-ministru, il-laptop ġie kkonfiskat wara li l-awtoritajiet skoprew li kien qed jintuża b’mod irregolari permezz ta’ konnessjoni mal-internet.

Bedingfield ħabbar li ġiet appuntata inkjesta interna mmexxija mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi biex tinvestiga l-każ, filwaqt li qal li kull min instab li kiser ir-regoli se jiffaċċja konsegwenzi.

Madankollu, il-mod kif qed tiġi investigata l-kwistjoni ġibed kritika. 

Azzopardi staqsa għaliex ma nfetħitx inkjesta maġisterjali indipendenti minflok investigazzjoni interna.

L-NGO Repubblika wkoll appellat għal inkjesta maġisterjali, filwaqt li sostniet li proċess ġudizzjarju biss jista’ jiżgura l-preservazzjoni ta’ evidenza li potenzjalment tista’ twassal għal prosekuzzjonijiet kriminali.

Fl-istess waqt, il-ħabs qed jiffaċċja kontroversja oħra wara allegazzjonijiet li konversazzjonijiet bejn avukati u klijenti tagħhom setgħu ġew irreġistrati jew monitorjati.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kamra tal-Avukati ressqet protest ġudizzjarju fejn sostniet li kienet irċeviet informazzjoni li mandat maħruġ fl-2021 kien awtorizza l-użu ta’ apparat ta’ sorveljanza f’żoni fejn il-priġunieri jiltaqgħu mal-viżitaturi, inklużi l-avukati tagħhom.

Il-Kamra qalet li xhieda ġuramentata ta’ eks direttur tal-ħabs tissuġġerixxi li seta’ kien jeżisti sistema li ma kienet tagħmilx distinzjoni bejn laqgħat legali u laqgħat oħra, b’konsegwenzi serji għas-segretezza professjonali bejn avukat u klijent.

B’reazzjoni, il-Kamra tal-Avukati ordnat lill-membri tagħha biex nhar it-Tnejn ma jattendux seduti fil-qrati jew jippreżentaw dokumenti mhux urġenti.

Il-gvern iddeskriva l-allegazzjonijiet bħala spekulazzjonijiet infondati u akkuża lill-Kamra tal-Avukati li qed tixħet dubji bla bażi fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

More in Kronaka