Ftuħ tal-Parlament jew Fashion Week?
Filwaqt li ġewwa l-Parlament il-fokus kien fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż għas-sena li ġejja, barra l-Kamra kienu l-wasliet, l-għażliet tal-moda u xi mumenti kurjużi li serqu l-attenzjoni
Filwaqt li ġewwa l-Parlament l-attenzjoni kienet mistennija tkun fuq id-diskors presidenzjali u l-prijoritajiet tal-pajjiż għas-sena li ġejja, fuq barra kien hemm spettaklu differenti ldak tal-moda.
Mill-ewwel mumenti tal-wasliet, kien ċar li l-kpiepel, il-fascinators u l-ilbies formali kienu se jkunu protagonisti daqs il-politiċi nfushom. U bħalma jiġri ta' spiss f'avvenimenti ta' dan it-tip, il-midja soċjali ma damitx ma bdiet tanalizza kull dettall.
Wieħed mill-ewwel mumenti li qanqal il-kurżità kien dak ta' Conrad Borg Manché, li deher akkumpanjat minn żewġ nisa. Filwaqt li l-eleganza tal-grupp ġibdet l-attenzjoni, diversi kummentaturi online dehru aktar interessati fil-kumpanija tiegħu milli fil-protokoll tal-okkażjoni nnifisha. Pero l-mistoqsija tibqa: tgħid dawk minhuma?
Fost dawk li spikkaw kien hemm Bernice Bonello, li għażlet libsa blu b'disinji ta’ fjuri mal-libsa kolla flimkien ma' fascinator bl-istess stil. Kienet dehra li żgur ma tilfetx il-preżenza tagħha fost il-folla, u li kompliet tenfasizza x-xejra ċara tal-ġurnata: iktar ma jkun kbir il-kappell, iktar aħjar.
Bi stil differenti għal kollox kien hemm Eve Borg Bonello. Minflok l-istil tradizzjonali, għażlet suit bajda akkumpanjat b'ingravata, deċiżjoni stilistika li spikkat proprju għax kienet differenti minn dak li mdorrijin naraw f'okkażjonijiet simili. F'ġurnata ddominata mill-kpiepel, kienet l-ingravata tagħha li ġibdet l-attenzjoni.
Min-naħa tiegħu, Clyde Caruana deher li għażel approċċ aktar sempliċi. Fost il-parata ta' koppji u mistednin akkumpanjati, il-Ministru tal-Finanzi kien wieħed minn dawk li dehru jaslu waħedhom, b'dehra klassika u mingħajr ebda tentattiv li jiġbed l-attenzjoni b'aċċessorji jew kuluri partikolari.
Madankollu, jekk kien hemm xejra waħda li dehret tgħaqqad politiċi minn naħat differenti tal-istampa politika, kien il-blazer miftuħ. Michael
Falzon, Daniel Attard, Adrian Delia u Bernard Grech kienu fost dawk li dehru jħallu l-blazer miftuħ waqt il-wasla tagħhom.
Jekk din kienet għażla ta' kumdità minħabba t-temperaturi tas-sajf jew sempliċement preferenza ta' stil, diffiċli tgħid. Iżda kien dettall li ma setax ma jiġix innutat, partikolarment f'avveniment magħruf għall-formalità tiegħu.
Issa dwar il-kpiepel ikollna nammettu li f'xi każijiet, il-kpiepel dehru kważi daqstant importanti daqs l-ilbies innifsu.
U proprju dwar dawn, wieħed jista' jgħid li kienu l-protagonisti assoluti tal-ġurnata. Kien hemm fascinators, kpiepel li għal mument wieħed seta' jaħseb li l-mistednin kienu sejrin għal avveniment internazzjonali tal-moda aktar milli għal ċerimonja statali.
Madankollu, fost il-varjetà kollha ta' stili u kuluri, kien hemm dehra li ħafna osservaturi qiesu bħala waħda mill-aktar eleganti tal-ġurnata.
Rosianne Cutajar għażlet libsa blu klassika, akkumpanjata minn headband bl-istess kulur u aċċessorji minimalisti. Kienet dehra raffinata li rnexxielha tispikka mingħajr il-ħtieġa ta' xi fascinator kbir jew dettalji elaborati.
F'ġurnata fejn ħafna għażlu li jagħmlu dikjarazzjoni permezz tal-kpiepel u l-aċċessorji, Cutajar dehret li sabet bilanċ bejn eleganza moderna u sempliċità. Għal ħafna osservaturi tal-moda, kienet fost l-aktar dehriet kompluti u armonjużi tal-okkażjoni.
Wara kollox, il-Ftuħ tal-Parlament jibqa' avveniment politiku. Iżda bħal kull sena, jidher li barra l-Kamra kien hemm elezzjoni oħra mhux uffiċjali: dik għall-aktar dehra elaborata tal-ġurnata.
