Abela jwiegħed riforma fl-appelli tal-ippjanar fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura

Il-Prim Ministru qal li l-gvern se jibda jwettaq il-wegħdi elettorali tiegħu minnufih, fosthom bidliet fil-proċess tal-appelli tal-ippjanar

Ritratt: PL
Ritratt: PL

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-gvern se jressaq il-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma tal-appelli tal-ippjanar matul l-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura l-ġdida.

It-tħabbira saret waqt l-ewwel laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista wara l-elezzjoni ġenerali, li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u li fiha attendew it-42 kandidat elett f’isem il-Partit Laburista.

Abela, li reċentement kiseb mandat ġdid wara r-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva tal-Partit Laburista, qal li l-Grupp Parlamentari għandu rwol kruċjali fit-twettiq tal-manifest elettorali Int Malta.

Fost il-miżuri li l-gvern qed jippjana li jimplimenta hemm il-wegħda li ebda żvilupp jew xogħol ta’ kostruzzjoni ġdid ma jkun jista’ jibda sakemm il-permess ikun għadu soġġett għal appell. Din il-proposta kienet waħda mill-wegħdiet ewlenin fil-qasam tal-ippjanar matul il-kampanja elettorali.

Il-Prim Ministru sostna li l-gvern għandu aktar minn elf proposta x’jwettaq u qal li l-ewwel mitt jum se jservu bħala indikazzjoni ċara tal-impenn tiegħu biex iwettaq dak li wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa semma wkoll diversi inizjattivi li diġà ngħataw direzzjoni dwarhom fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett, fosthom miżuri biex titjieb il-kwalità tal-ħajja, riformi favur l-ugwaljanza u bidliet oħra meqjusa neċessarji, inkluż fil-qasam tal-IVF.

Abela qal li l-ħidma tal-gvern se tibqa’ msejsa fuq il-Viżjoni Malta 2050, b’enfasi fuq il-benesseri tal-familji u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja, kif imwiegħed permezz tal-Wellbeing Index.

Matul il-laqgħa, Naomi Cachia ġiet maħtura bħala Government Whip, filwaqt li Fleur Abela se tokkupa l-kariga ta’ Deputy Whip.

Il-laqgħa saret ftit jiem qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Parlament il-ġdid, meta d-deputati eletti mistennija jieħdu l-ġurament tal-ħatra tagħhom waqt ċerimonja skedata għas-Sibt filgħodu.

More in Kronaka