Il-Bajja tal-Balluta f'San Ġiljan ingħalqet għall-għawm bħala miżura ta’ prekawzjoni wara overflow tad-drenaġġ fiż-żona, ħabbret id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.
Dan huwa s-17-il każ ta’ għeluq ta’ bajja minn Mejju ’l hawn minħabba kwistjonijiet relatati mal-kwalità tal-ilma.
Skont id-direttorat, l-overflow kien ikkawżat minn imblukkar f’linja tad-drenaġġ wara li skart tal-kostruzzjoni allegatament ġie mormi illegalment minn terzi.
L-awtoritajiet qalu li l-imblukkar tneħħa immedjatament hekk kif ġie identifikat is-sors tal-problema, bl-assistenza tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Dwar l-inċident sar ukoll rapport lill-pulizija.
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali spjega li l-għeluq tal-bajja se jibqa’ fis-seħħ sakemm l-uffiċjali responsabbli jwettqu t-testijiet meħtieġa biex jikkonfermaw li l-kwalità tal-ilma għall-għawm ma ġietx affettwata mill-inċident.
L-awtoritajiet appellaw lill-pubbliku biex josserva l-avviżi maħruġa u jevita l-għawm fiż-żona sakemm jinħareġ avviż ieħor.