Il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield sostna li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka aktar fuq il-kawżi li jwasslu għall-migrazzjoni irregolari billi tgħin biex jinħolqu opportunitajiet akbar fil-pajjiżi tal-oriġini.
Bedingfield għamel dawn il-kummenti waqt laqgħa informali tal-ministri Ewropej responsabbli mill-migrazzjoni u l-affarijiet interni li saret f’Ċipru biex timmarka l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Din kienet l-ewwel attività uffiċjali barra minn Malta għall-ministru wara li ngħata l-portafoll tal-intern wara l-elezzjoni ġenerali.
Matul l-intervent tiegħu, Bedingfield enfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-fatturi li jġiegħlu persuni jitilqu minn pajjiżhom, fosthom il-faqar, il-bidla fil-klima u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ekonomiċi.
Huwa sostna li investiment akbar f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-aċċess għall-ilma nadif u l-iżvilupp ekonomiku jista’ jgħin biex jinħolqu prospetti aħjar fil-komunitajiet fejn dawn huma l-aktar meħtieġa.
“Dan huwa investiment fit-tul fl-istabbiltà, il-prosperità u s-sigurtà komuni tagħna. Kull żagħżugħ jew żagħżugħa li jingħata tama f’pajjiżu jfisser persuna inqas li tħoss il-ħtieġa tagħmel vjaġġ perikoluż lejn pajjiż ieħor,” qal Bedingfield.
Il-ministru qal ukoll li l-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jirrappreżenta pass politiku importanti għall-Unjoni Ewropea, iżda sostna li s-suċċess tiegħu se jiddependi mill-mod kif jiġi implimentat fil-prattika.
Huwa saħaq li għandu jkun hemm tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-istati membri, filwaqt li pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni għandhom jingħataw appoġġ konkret.
Bedingfield żied li l-miżuri previsti fil-patt għandhom ikunu akkumpanjati minn ġestjoni aktar effettiva tal-migrazzjoni, politika Ewropea aktar b’saħħitha barra l-fruntieri tal-Unjoni, proċessi effikaċi ta’ ritorn u azzjoni aktar deċiżiva kontra n-netwerks involuti fit-traffikar tal-bnedmin.