Alex Borg lest ikompli jmexxi l-PN jekk iżomm il-fiduċja tal-partit

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li jinsab lest ikompli fit-tmexxija tal-partit jekk il-membri eliġibbli jagħtuh il-fiduċja tagħhom, filwaqt li sostna li l-PN qed jissaħħaħ minkejja t-telfa elettorali u qed jitqies minn ħafna bħala alternattiva kredibbli għall-Gvern

Ritratt:Net News
Ritratt:Net News

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li jinsab lest ikompli jmexxi lill-partit jekk iżomm il-fiduċja tal-membri eliġibbli, filwaqt li saħaq li l-proċess kollu għandu jimxi skont dak previst fl-istatut tal-partit.

F’intervista ma’ NET News is-Sibt, Borg sostna li l-Partit Nazzjonalista, minkejja li ma rebaħx l-elezzjoni ġenerali, qed jikkonsolida ruħu bħala alternattiva serja għall-Gvern u bħala “gvern fil-mistennija”.

Huwa argumenta li m’għandu l-ebda dubju li l-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ elezzjoni bikrija għax kien konxju mill-avvanzi li kien qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fl-opinjoni pubblika, u mhux minħabba ċ-ċirkostanzi internazzjonali kif kien sostna l-Gvern.

Borg ammetta li l-PN tilef l-elezzjoni, iżda qal li r-riżultat u r-reazzjoni li segwiet juru li hemm domanda dejjem tikber għal Oppożizzjoni b’saħħitha li tkun tista’ żżomm lill-Gvern responsabbli.

Skontu, il-partit se jkompli jaħdem b’aktar determinazzjoni matul il-ħames snin li ġejjin sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jkompli jersaq lejn il-poplu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-ewwel jiem wara l-elezzjoni aktar minn 800 persuna offrew l-għajnuna tagħhom lill-partit, filwaqt li ħafna oħrajn bagħtu proposti u ideat dwar kif il-PN jista’ jkompli jissaħħaħ.

Huwa sostna li dawn is-sinjali juru li numru dejjem akbar ta’ nies qed jaraw lill-Partit Nazzjonalista bħala “tama ġdida” għall-bidla li, skontu, il-pajjiż għandu bżonn.

Borg qal li l-entużjażmu li ra fost in-nies qabel, waqt u wara l-kampanja elettorali qed ikompli jagħtih kuraġġ biex ikompli bil-proġett politiku li beda flimkien mal-partit.

“Ridt nagħti sinjal ċar lill-Għawdxin”

B’referenza għad-deċiżjoni tiegħu li jżomm is-siġġu parlamentari tiegħu fuq it-13-il distrett, Borg qal li din kienet għażla intenzjonata sabiex juri lill-Għawdxin li huwa lest jirrappreżentahom mhux biss bil-kliem iżda wkoll permezz tal-azzjonijiet tiegħu.

Huwa sostna li jinsab konvint li l-istatut tal-partit jippermettilu jżomm is-siġġu ta’ Għawdex u qal li ried jibgħat messaġġ ċar ta’ impenn lejn il-gżira.

Kritika lejn il-Gvern u l-ħatra ta’ Chris Fearne

Matul l-intervista, Borg ikkritika wkoll lill-Partit Laburista, fejn sostna li matul il-leġiżlatura l-Gvern naqas milli jindirizza diversi problemi li jaffettwaw lill-pubbliku, iżda ħa azzjoni biss fil-perjodu qrib l-elezzjoni.

Huwa allega li l-amministrazzjoni Laburista għażlet li tuża l-vantaġġi tal-kariga fil-fażi finali tal-leġiżlatura biex twettaq inizjattivi li setgħu saru snin qabel.

Borg irrefera wkoll għall-ħatra ta’ Chris Fearne fil-Kabinett il-ġdid, u qal li din tqajjem tħassib minħabba l-fatt li Fearne għadu qed jiffaċċja proċeduri kriminali pendenti.

Filwaqt li qal li jittama li Fearne jinstab innoċenti, Borg sostna li ma jistax jinjora l-fatt li persuna f’dik il-pożizzjoni qed tingħata rwol ministerjali importanti waqt li l-każ għadu għaddej.

Huwa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat favur politika nadifa, trasparenza, governanza tajba u standards etiċi għoljin fil-ħajja pubblika.

More in Kronaka