S&P iżżomm ir-rating ta’ Malta stabbli

L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu Standard & Poor’s ikkonfermat ir-rating pożittiv ta’ Malta u żammet il-prospetti ekonomiċi tagħha stabbli, filwaqt li diversi pajjiżi Ewropej esperjenzaw tnaqqis fil-valutazzjonijiet tagħhom

L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu Standard & Poor’s ikkonfermat il-valutazzjoni pożittiva tagħha ta’ Malta, filwaqt li żammet ukoll il-prospetti ekonomiċi tal-pajjiż bħala stabbli.

Id-deċiżjoni tasal fi żmien meta diversi ekonomiji Ewropej qed jiffaċċjaw pressjonijiet dejjem akbar, tant li pajjiżi bħal Franza, il-Belġju u s-Slovakkja raw ir-ratings tagħhom jitnaqqsu minn aġenziji internazzjonali tal-kreditu.

Ir-rapport ta’ Standard & Poor’s jindika li Malta qed tkompli turi reżiljenza ekonomika minkejja l-inċertezzi internazzjonali, fosthom it-tensjonijiet ġeopolitiċi u t-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku globali.

L-evalwazzjoni pożittiva tasal ukoll wara sensiela ta’ rapporti li matul l-aħħar ġimgħat enfasizzaw il-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż.

Il-Kummissjoni Ewropea reċentement ikkonfermat li Malta rnexxielha tilħaq il-miri fiskali tagħha qabel iż-żmien previst, filwaqt li t-tbassir jindika li d-defiċit tal-pajjiż mistenni jkompli jonqos fis-snin li ġejjin.

Standard & Poor’s osservat li, minkejja l-isfidi li qed jaffettwaw l-ekonomija internazzjonali, il-prospetti ekonomiċi ta’ Malta baqgħu sostnuti minn pedamenti ekonomiċi meqjusa b’saħħithom.

L-aġenzija rrimarkat ukoll fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jiffaċċjaw pajjiżi oħra Ewropej, filwaqt li semmiet fost l-oħrajn livelli għoljin ta’ qgħad f’ċerti Stati Membri u l-effetti tal-inċertezza politika u ġeopolitika fuq is-swieq internazzjonali.

Minkejja dan ix-xenarju, Malta ma rat l-ebda reviżjoni negattiva fil-valutazzjoni tagħha, fatt li ġie interpretat bħala sinjal ta’ fiduċja fil-kapaċità tal-pajjiż li jżomm stabbiltà ekonomika u fiskali.

L-analisti osservaw li t-titjib gradwali fil-finanzi pubbliċi poġġa lil Malta f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex taffaċċja sfidi esterni u tibqa’ tirrispondi għal żviluppi ekonomiċi internazzjonali mhux mistennija.

B’reazzjoni għar-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-konferma tar-rating hija indikazzjoni oħra tal-fiduċja li qed igawdi l-pajjiż minn istituzzjonijiet internazzjonali indipendenti.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Abela sostna li r-riżultat jirrifletti l-aspettattiva li l-amministrazzjoni tiegħu se tkompli tiffoka fuq il-protezzjoni tal-familji u n-negozji, filwaqt li żżomm l-istabbiltà ekonomika f’kuntest internazzjonali dejjem aktar inċert.

Huwa żied li l-prijorità tibqa’ li l-ekonomija tkompli tikber b’mod sostenibbli filwaqt li l-benefiċċji tat-tkabbir jilħqu lill-familji u l-ħaddiema Maltin.

More in Kronaka