Il-partit Momentum sostna li l-isplużjoni li seħħet reċentement fil-fabbrika tan-nar ta’ Lourdes, li ġibdet attenzjoni internazzjonali, għandha sservi bħala twissija dwar il-ħtieġa li Malta tagħti prijorità akbar lill-protezzjoni tal-ambjent u lill-ġlieda kontra l-kriżi klimatika.
Fi stqarrija, il-partit irrimarka li l-inċident seta’ kellu konsegwenzi negattivi fuq il-kwalità tal-arja u fuq il-ħamrija tal-madwar, filwaqt li esprima wkoll tħassib dwar impatt possibbli fuq il-water table tal-pajjiż, li hija sors importanti kemm għall-agrikoltura kif ukoll għall-provvista tal-ilma għax-xorb.
Momentum irrefera wkoll għal diversi nirien li seħħew f’scrapyards u f’landfills matul l-aħħar xhur, u qal li dawn l-avvenimenti qajmu mistoqsijiet serji dwar il-ġestjoni tal-iskart f’Malta. Skont il-partit, id-duħħan tossiku li ġie ġġenerat minn dawn in-nirien kompla jżid it-tħassib dwar il-kwalità tal-arja u r-riskji għas-saħħa pubblika.
Il-partit qal li diversi fenomeni osservati matul l-aħħar sena, fosthom il-maltempata Harry, il-mewġa qawwija ta’ sħana fil-baħar matul is-sajf li għadda u l-ammont mhux tas-soltu ta’ silġ li waqa’ fir-Rabat f’Jannar, huma sinjali tal-pressjonijiet dejjem jikbru fuq l-ekosistemi Mediterranji bħala riżultat tat-tibdil fil-klima.
Momentum sostna li minkejja ż-żieda fil-frekwenza ta’ kundizzjonijiet tat-temp estrem, Malta għadha qed tikkontribwixxi għal livelli għoljin ta’ tniġġis ambjentali.
Il-membru tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Momentum, Matthew Agius, saħaq li hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni aktar effettiva, infurzar aktar b’saħħtu u ppjanar fit-tul biex jiġu evitati inċidenti ambjentali kkawżati mill-bniedem.
Fost il-proposti tiegħu, il-partit qed jitlob li kull proġett ta’ ċertu daqs ikun suġġett għal Environmental Impact Assessment li jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Skont Momentum, iċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati dwar kif żviluppi ġodda jistgħu jaffettwaw l-ambjent, il-komunitajiet lokali u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-partit esprima wkoll l-oppożizzjoni tiegħu għall-użu ta’ art pubblika għal skopijiet ta’ żvilupp privat meta dan ikun ta’ detriment għall-ġid komuni. F’dan il-kuntest semma l-proġett propost tas-Sliema Lido kif ukoll l-espansjoni ta’ lukandi tul il-kosta.
Agius qal li għalkemm l-isfidi ambjentali ħafna drabi jiġu trattati bħala problema globali, Malta qed tesperjenza direttament l-effetti tat-tibdil fil-klima. Huwa sostna li l-pajjiż għad għandu l-opportunità li jħares il-wirt naturali tiegħu, isaħħaħ il-governanza ambjentali u jibni futur aktar sostenibbli.
Huwa temm jgħid li d-deċiżjonijiet li jittieħdu llum se jkunu determinanti għall-kwalità tal-ħajja u l-ambjent li l-ġenerazzjonijiet futuri se jirtu.