Malta mistennija toħroġ mill-proċedura Ewropea tad-defiċit eċċessiv

Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tirrakkomanda li Malta ma tibqax soġġetta għall-proċedura tad-defiċit eċċessiv wara tnaqqis sinifikanti fid-defiċit tal-pajjiż

Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tirrakkomanda li tintemm il-proċedura tad-defiċit eċċessiv fil-konfront ta’ Malta wara li l-pajjiż naqqas id-defiċit tiegħu għal livelli taħt il-limitu stabbilit mill-Unjoni Ewropea.

Jekk ir-rakkomandazzjoni tiġi approvata, Malta tkun l-uniku Stat Membru li joħroġ minn din il-proċedura f’dan l-istadju.

Id-deċiżjoni finali trid tiġi approvata mill-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) waqt il-laqgħa li jmiss tiegħu f’Lulju, għalkemm sorsi qrib il-proċess qed jindikaw li dan mistenni jkun pass formali.

Il-laqgħa se tlaqqa’ flimkien lill-ministri tal-finanzi u tal-ekonomija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Meta ppreżenta l-previżjonijiet fiskali tal-gvern f’April li għadda, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien diġà indika li Malta setgħet toħroġ mill-proċedura sa nofs din is-sena.

Dakinhar, Caruana kien ħabbar li d-defiċit tal-pajjiż naqas għal 2.2% sal-aħħar tal-2025, ferm inqas mit-3.2% li kien previst qabel u taħt il-limitu Ewropew ta’ 3%.

Dan kien ifisser l-ewwel darba li Malta niżlet taħt il-limitu tad-defiċit mill-perjodu ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19.

Il-Ministru kien spjega wkoll li d-defiċit mistenni jkompli jonqos gradwalment matul is-snin li ġejjin, anke jekk il-gvern se jkompli jinvesti biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Skont il-projezzjonijiet tal-gvern, li ġew deskritti bħala prudenti, Malta tista’ saħansitra tirreġistra surplus fil-baġit matul l-2029 u l-2030.

Anke l-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikati f’Mejju, juru li d-defiċit Malti mistenni jibqa’ stabbli fis-snin li ġejjin u jinżel għal madwar 2.1% sal-2027.

Jekk ECOFIN japprova r-rakkomandazzjoni f’Lulju, Malta tagħlaq kapitlu importanti fil-politika fiskali tagħha u toħroġ uffiċjalment mill-proċedura Ewropea tad-defiċit eċċessiv.

More in Kronaka