Abela jibda jlaqqa’ lill-MPs Laburisti hekk kif jifforma l-Kabinett il-ġdid


Il-Prim Ministru Robert Abela beda jiltaqa’ ma’ deputati Laburisti f’Kastilja hekk kif għaddej bil-proċess biex jifforma l-Kabinett il-ġdid wara r-rebħa elettorali tas-Sibt.

Ritratt: Daniel Tihn/Illum
Ritratt: Daniel Tihn/Illum

AĠĠORNATA FIT-3:00PM

Il-Prim Ministru Robert Abela beda jsejjaħ deputati Laburisti f’Kastilja hekk kif qed jissokta l-proċess tal-għażla tal-Kabinett il-ġdid li se jmexxi lill-pajjiż matul il-leġiżlatura li jmiss.

Fost dawk li s’issa ġew imsejħa għal laqgħat ma’ Abela hemm Silvio Schembri, Chris Fearne, Clyde Caruana, Glenn Bedingfield, Alison Zerafa Civelli, Byron Camilleri, Malcolm Paul Agius Galea, Jonathan Attard, Clint Camilleri, Carmelo Abela, Alicia Bugeja Said, Michael Falzon, Julia Farrugia, Omar Farrugia, Miriam Dalli, Clifton Grima, Owen Bonnici, Chris Bonett, Keith Azzopardi Tanti u Rosianne Cutajar.

Rosianne Cutajar(Daniel Tihn/Illum)
Rosianne Cutajar(Daniel Tihn/Illum)

Owen Bonnici qal lill-ġurnalisti li kienu qed jistennew barra Kastilja li kienet “esperjenza ta’ umiltà” għalih li jiġi msejjaħ lura biex iservi fil-gvern. Minkejja l-età relattivament żgħira tiegħu, Bonnici huwa wieħed mill-veterani. Madankollu, huwa insista li qatt ma ħa xejn for granted. "Iktar tard toħroġ stqarrija. Jien dejjem kuntent li naqdi lil pajjiżi; huwa privileġġ u m'hemmx unur akbar," insista.

Owen Bonnici(Ritratt: Daniel Tihn/Illum)
Owen Bonnici(Ritratt: Daniel Tihn/Illum)

Miriam Dalli, li fil-leġislatura preċedenti kellha ministeru li kien jinkludi l-ambjent, l-enerġija u r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, qalet li l-prim ministru se jiddeskrivi l-portafoll hu stess. "Kienet laqgħa tajba u konvinta li l-Prim Ministru se jkollu Kabinett b'saħħtu," qalet.

Miriam Dalli (Ritratt: Daniel Tihn/Illum)
Miriam Dalli (Ritratt: Daniel Tihn/Illum)
Clifton Grima (Ritratt: Daniel Tihn/Illum)
Clifton Grima (Ritratt: Daniel Tihn/Illum)

Min-naħa l-oħra, Clifton Grima, li kien ministru tal-edukazzjoni u l-isport fil-leġiżlatura preċedenti, qal li huwa “dejjem kuntent” b’kull portafoll li jingħata. Mistoqsi jekk dan kienx sinjal ta’ fiduċja tal-Prim Ministru, Grima wieġeb b’“iva” qasir, u ma tax aktar dettalji.

Julia Farrugia (Ritratt: Daniel Tihn/Illum)
Julia Farrugia (Ritratt: Daniel Tihn/Illum)
Michael Falzon (Ritratt:Daniel Tihn/Illum)
Michael Falzon (Ritratt:Daniel Tihn/Illum)
Alicia Bugeja Said(Ritratt:Daniel Tihn/Illum)
Alicia Bugeja Said(Ritratt:Daniel Tihn/Illum)

Mal-ħruġ ta’ Kastilja, Julia Farrugia, li kienet ministru għall-inklużjoni u l-NGOs fil-gvern preċedenti, kienet tgħid biss: “Nirringrazzja lill-prim ministru”.
Intant, quddiemha, il-parlamentari veteran Michael Falzon ħeġġeġ lill-ġurnalisti biex jistennew “t-tħabbira tal-Prim Ministru”, u żied jgħid li sakemm il-partit rebaħ kien kuntent.

Alison Zerafa Civelli, li fl-aħħar leġiżlatura serviet bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, qalet li se tistenna konferma uffiċjali qabel tikkummenta aktar. Hija sostniet li tinsab sodisfatta b’dak li ġie diskuss iżda enfasizzat li l-aktar ħaġa importanti hija dak li jkun ta’ ġid għall-pajjiż.

Silvio Schembri, li kien Ministru għall-Ekonomija fil-gvern preċedenti, llimita ruħu biex jgħid li jinsab “ferħan”. Risposta simili ta Clint Camilleri, li kien Ministru ta' Għawdex u l-ippjanar fil-leġislatura preċedenti. Camilleri kiseb l-akbar numru ta’ voti wara l-Prim Ministru fl-elezzjoni tas-Sibt.

Min-naħa tiegħu, Malcolm Paul Agius Galea qal biss li “hemm sfida quddiemu”, mingħajr ma ta aktar dettalji dwar il-kariga li jista’ jingħata.

Interessanti wkoll il-kumment ta’ Byron Camilleri, li wara l-laqgħa tiegħu ma’ Abela qal li esprima x-xewqa tiegħu lill-Prim Ministru u li jinsab sodisfatt bid-deċiżjoni li ttieħdet. 

S’issa għadu mhux magħruf meta se jitħabbar uffiċjalment il-Kabinett il-ġdid, iżda l-laqgħat li għaddejjin f’Kastilja qed jitqiesu bħala indikazzjoni ċara li l-proċess jinsab fi stadju avvanzat.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej

More in Kronaka