L-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel tibda investigazzjoni wara l-isplużjoni tal-kamra tan-nar

L-Awtorità għas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-Ikel qed twettaq spezzjonijiet u testijiet biex tevalwa jekk l-isplużjoni fil-fabbrika tan-nar fil-Magħtab ħallietx impatt fuq l-ikel, l-għalf u l-produzzjoni agrikola fiż-żoni milquta

L-Awtorità għas-Sigurtà u s-Sikurezza tal-Ikel (FSSA) ħabbret li attivat miżuri ta’ prekawzjoni immedjati wara l-isplużjoni li seħħet fil-fabbrika tan-nar fil-Magħtab kmieni t-Tnejn filgħodu.

Fi stqarrija, l-awtorità qalet li bdiet tevalwa l-effett li seta’ kellhom debris, residwi tal-kombustjoni u kontaminanti oħra fuq l-ikel, l-għalf tal-annimali u l-prodotti agrikoli fiż-żoni affettwati.

L-FSSA spjegat li bħalissa għaddejjin spezzjonijiet, kampjunar u assessjarji tar-riskju, proċess li se jkompli skont il-ħtieġa hekk kif jiġu analizzati l-konsegwenzi tal-inċident.

L-awtorità qalet li qed taħdem mill-qrib ma’ entitajiet oħra, kif ukoll ma’ bdiewa, produtturi tal-ikel u tal-għalf u operaturi fis-settur tal-ikel, sabiex jiġu identifikati u indirizzati kwalunkwe riskji potenzjali fl-iqsar żmien possibbli.

Skont l-FSSA, dawn il-miżuri għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa pubblika filwaqt li jipprovdu gwida u appoġġ lil dawk involuti fil-produzzjoni agrikola u alimentari.

L-awtorità saħqet li s-sigurtà tal-ikel u tal-għalf tibqa’ l-ogħla prijorità tagħha, filwaqt li assigurat lill-pubbliku li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex il-prodotti li jaslu għand il-konsumaturi jibqgħu sikuri għall-konsum.

L-FSSA qalet li se tkompli toħroġ aktar aġġornamenti hekk kif tavvanza l-investigazzjoni u l-proċess ta’ monitoraġġ.

L-isplużjoni fil-fabbrika tan-nar fi Triq tal-Qagħdi seħħet għall-ħabta tas-6:35am u nstemgħet minn diversi lokalitajiet madwar Malta. Ir-residenti rrappurtaw ħsarat fosthom twieqi mkissra u partijiet minn faċċati ta’ bini li nqalgħu bil-forza tal-blast.

More in Kronaka