Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar qal li ma ta l-ebda awtorizzazzjoni biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ emerġenza fis-sit tal-kostruzzjoni li wassal għall-evakwazzjoni ta’ diversi familji wara kollass fil-pedamenti tal-binja.
Fi stqarrija, il-kunsill qal li ressaq it-tħassib tiegħu quddiem il-Building and Construction Authority (BCA), hekk kif residenti ilhom jilmentaw dwar storbju kkawżat minn xogħolijiet li qed jibdew sa mill-5am.
Il-kunsill sostna li “ma jistax jaċċetta” li dawn ix-xogħlijiet jibdew daqshekk kmieni filgħodu.
Huwa rrimarka wkoll li għal numru ta’ snin residenti kienu qed ibatu minn storbju eċċessiv, vibrazzjonijiet, trab, tajn fit-toroq fix-xhur tax-xitwa u inkonvenjent kontinwu relatat mal-moviment ta’ vetturi tqal u attività ta’ kostruzzjoni fiż-żona.
Filwaqt li rrikonoxxa l-ħtieġa urġenti ta’ xogħlijiet ta’ rimedju sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà pubblika, il-kunsill insista li l-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti għandhom ukoll jiġu rispettati u protetti.
Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar qal li se jkompli jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet u entitajiet relevanti biex it-tħassib tar-residenti jiġi trattat bis-serjetà li jixraqlu.
Huwa qal ukoll li jinsab miftuħ biex jesplora kull mezz possibbli sabiex ix-xogħlijiet meħtieġa jitlestew malajr kemm jista’ jkun.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, residenti li jgħixu qrib is-sit kienu qalu li ilhom tliet snin jagħmlu rapporti lill-awtoritajiet dwar il-kundizzjoni tas-sit, filwaqt li ddeskrivew il-kollass bħala “xokkanti iżda mhux sorprendenti”.
Min-naħa tagħha, il-BCA kienet qalet nhar l-Erbgħa li x-xogħlijiet ta’ emerġenza bdew wara rakkomandazzjonijiet tal-perit Alex Torpiano, li ġie appuntat mill-iżviluppatur biex iħejji method statement għax-xogħlijiet il-ġodda.