Il-Partit Laburista qal li t-tbassir ekonomiku tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea jagħti “ċertifikat qawwi” lit-tmexxija ekonomika tal-Gvern Malti, hekk kif Malta mistennija tibqa’ l-aktar ekonomija li tikber fl-Unjoni Ewropea.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministri Silvio Schembri u Clyde Caruana, intqal li l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru tkabbir ekonomiku ta’ 3.7% għal din is-sena u 3.6% għas-sena d-dieħla.
Dan filwaqt li t-tkabbir medju madwar l-Unjoni Ewropea mistenni jkun ta’ 1.1% u 1.4% rispettivament.
Il-Partit Laburista qal li dan ifisser li Malta se tkun qed tikber b’rata kważi tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea, filwaqt li semma wkoll li pajjiżi bħall-Italja huma mistennija jirreġistraw tkabbir ta’ madwar 0.5%.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li minkejja l-isfidi internazzjonali u l-inċertezza globali, Malta qed tkompli tieħu “l-aħjar deċiżjonijiet” sabiex iżżomm ekonomija b’saħħitha.
Schembri qal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li l-pagi f’Malta jkomplu jiżdiedu, filwaqt li sostna li l-effetti taż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt qed jiġu “newtralizzati” permezz tas-sussidji tal-Gvern.
Huwa kkritika wkoll lill-Partit Nazzjonalista dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq is-sussidji tal-enerġija, wara li l-PN sostna li dawn huma “short-lived” u mhux sostenibbli.
Il-Ministru qal li s-saħħa tal-ekonomija Maltija hija sostnuta minn diversi setturi fosthom il-gaming, is-servizzi professjonali u finanzjarji, it-turiżmu u l-IT.
Schembri sostna wkoll li Malta qed tkompli tattira investiment dirett barrani b’saħħtu.
“Dan it-tkabbir se jkompli jsostni d-dħul tal-Gvern biex il-ġid jitqassam għand in-nies,” qal Schembri.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Kummissjoni Ewropea “reġgħet iċċertifikat il-kompetenza u l-għaqal” tal-Gvern fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi.
Caruana sostna li r-rapport tal-Kummissjoni jindika wkoll li Malta mistennija toħroġ mill-proċedura ta’ deficit eċċessiv il-ġimgħa d-dieħla.
Huwa qal li dan huwa sinifikanti għaliex Malta mistennija toħroġ minn din il-proċedura f’sentejn minflok erba’ snin.
Caruana żied li s-sena d-dieħla nofs il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mistennija jkunu għadhom taħt il-proċedura ta’ deficit eċċessiv.
Il-Ministru għall-Finanzi qal ukoll li l-Kummissjoni Ewropea qed turi fiduċja fil-finanzi pubbliċi ppreżentati mill-Gvern Malti, filwaqt li ċaħad allegazzjonijiet li ċerti miżuri qed jittieħdu biss minħabba l-elezzjoni.
Caruana attakka wkoll lill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ dettalji fiskali fil-programm elettorali tiegħu.
Huwa sostna li l-PN għadu ma spjegax kemm se jkun id-defiċit jew id-dejn taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
“Il-poplu għandu jkun jaf kemm se jiswew dawn il-miżuri u x’impatt se jkollhom fuq il-finanzi tal-pajjiż,” qal Caruana.
Il-Ministru qal li skont kalkoli li għamel dwar ħames proposti ewlenin tal-PN, Gvern Nazzjonalista kien iżid id-defiċit u d-dejn sal-punt li Malta terġa’ tidħol fil-proċedura ta’ deficit eċċessiv.
“B’kuntrast, Gvern Laburista jwettaq dak li jwiegħed mingħajr ma jpoġġi f’riskju s-sostenibbiltà finanzjarja tal-pajjiż,” qal Caruana.