Residenti taż-Żurrieq u attivisti minn diversi gruppi ambjentali lbieraħ organizzaw protesta fin-Nigret kontra pjani għal żvilupp fuq medda ta’ 11,500 metru kwadru ta’ art agrikola.
Matul il-protesta, il-parteċipanti talbu risposta ċara dwar jekk l-Awtorità tal-Artijiet tatx il-kunsens tagħha għall-użu ta’ art pubblika għall-proġett propost.
Annalisa Schembri, bidwi u residenti taż-Żurrieq, qalet li r-residenti qed jitilfu l-fiduċja fir-rassigurazzjonijiet tal-Gvern wara snin ta’ tensjoni dwar il-proġett.
“Qegħdin hawn lejlet elezzjoni biex nipprotestaw kontra dak li qed jiġri. Wara l-istress kollu li ġegħeltuna ngħaddu minnu, diffiċli nemmnu r-rassigurazzjonijiet tagħkom. Se niġġudikawkom fuq dak li għamiltu, mhux fuq dak li għedtu,” qalet Schembri waqt li appellat lill-Gvern biex jirtira l-applikazzjoni taż-zoning.
Schembri hija wkoll waħda minn żewġ bdiewa li qed jiffaċċjaw riskju ta’ żgumbrament f’Tal-Bebbux.
Olivia Gauci minn Residenti tal-Mellieħa kkritikat lill-Prim Ministru Robert Abela talli, skontha, irrifjuta li jiltaqa’ mar-residenti tal-Mellieħa dwar żewġ proġetti oħra li jipproponu mijiet ta’ appartamenti u lukanda fuq art pubblika.
Hija appellat ukoll lill-Kap tal-PN Alex Borg, li qed jikkontesta fuq id-distrett tal-Mellieħa, biex jieħu pożizzjoni ċara dwar dawn l-iżviluppi.
“Dak li ġara lilna jista’ jiġri lilkom ukoll, u jekk ma tiġġildulux, jiġri,” qalet Gauci.
Il-protesta saret wara erba’ snin ta’ kontroversja dwar il-proġett, bil-grupp Il-Kollettiv jallega li l-iżviluppaturi qed jużaw “proċeduri frammentati u sigrieti” biex javvanzaw il-proġett qabel ma r-residenti jkollhom ċans jappellaw.
Il-Kollettiv qal li fl-aħħar sitt ġimgħat tressqu ħames applikazzjonijiet separati fuq l-istess sit, li skont il-grupp qed isiru individwalment biex jiġu evitati l-kundizzjonijiet tal-permess oriġinali taż-zoning.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela kien sostna li art tal-istat mhux se tingħata għall-iżvilupp u qal li l-Gvern jinsab f’diskussjonijiet mar-residenti dwar il-futur tan-Nigret.
Waqt il-protesta, Ruben Abela minn Wirt iż-Żejtun qal li diskussjonijiet dwar reviżjoni tal-local plans kienu diġà bdew fl-2015 iżda allega li dawn qatt ma ġew ippubblikati minħabba pressjoni minn dawk favur estensjoni tal-konfini tal-iżvilupp.
Matthew Borg minn Residenti taż-Żurrieq qal li r-residenti japprezzaw il-kliem tal-Prim Ministru iżda sostna li “r-rassigurazzjonijiet iridu jinbidlu f’fatti”.
Huwa appella wkoll lill-kandidati tad-distrett biex jiddikjaraw b’mod ċar jekk humiex favur jew kontra l-iżvilupp fin-Nigret.
Caroline Caruana min-Netwerk tar-Residenti ta’ Marsaskala sostniet li l-bidliet li qed iseħħu fil-pajjiż huma riżultat ta’ deċiżjonijiet politiċi li qed ipoġġu l-profitt qabel il-komunitajiet.
“Il-GDP ma jqisx il-paċi tal-moħħ tar-residenti, il-kwalità tal-arja, il-ħin fit-traffiku jew il-qerda tal-komunitajiet,” qalet Caruana.
Resident ieħor taż-Żurrieq, John Schembri, enfasizza l-importanza tal-ispazji pubbliċi miftuħa u qal li r-residenti jridu jkunu jistgħu “joħorġu jieħdu nifs u jgħixu fil-paċi”.
Fi tmiem il-protesta, is-Segretarju ta’ Il-Kollettiv Wayne Flask irringrazzja lill-gruppi residenti u lill-parteċipanti kollha, filwaqt li qal li l-grupp se jkompli jaħdem kontra proġetti simili f’lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex.