Tliet persuni, fosthom tifla ta’ ħames snin, iddaħħlu l-isptar nhar il-Ħamis wara li ndarbu f’żewġ inċidenti tat-traffiku separati f’Marasakala u l-Ħamrun.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-4:15pm, meta mara ta’ 40 sena ħabtet il-Peugeot 3008 tagħha ma’ ħajt fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas f’Marsaskala. Tifla ta’ ħames snin kienet fil-karozza.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili assistew lill-vittmi tal-inċident, filwaqt li tim mediku pprovda l-ewwel kura. Aktar tard ittieħdu l-Isptar Mater Dei fejn it-tifla ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji.
Aktar tard nhar il-Ħamis, fis-6:15pm, mara ta’ 65 sena minn San Pawl il-Baħar sofriet ġrieħi gravi wara li ntlaqtet minn Toyota Vitz fi Triq Mountbatten, il-Ħamrun.
L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-karozza kienet misjuqa minn raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żabbar.
Il-mara ngħatat kura minn tim mediku u ttieħdet l-isptar b’urġenza.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar iż-żewġ inċidenti għadhom għaddejjin.